Aġġornata: In-Netherlands lesta tieħu immigranti minn Sea-Watch 3

Robin Jenkins

Il-Gvern tan-Netherlands lest jieħu xi immigranti li bħalissa jinsabu fuq il-bastiment Sea-Watch 3. Dan ħabbru kelliem għall-Ministeru għas-Sigurtà u l-Ġustizzja tan-Netherlands f’kummenti lill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP.

Huwa qal li n-Netherlands lesta tieħu wħud mit-32 immigrant li bħalissa jinsabu fuq Sea Watch 3 jekk pajjiżi oħra jidħlu fi qbil li jieħdu immigranti oħra mill-istess bastiment.

Sea-Watch joqrob lejn Malta għall-kenn

Il-bastiment Sea-Watch 3 għandu jidħol għall-kenn 3 mili nawtiċi ‘l bogħod mill-Gżejjer Maltin. Dan ikkonfermatu kelliema għall-Gvern wara li sors li għandu konnessjoni mal-vapur, qal li l-Gvern ta dan il-permess minħabba li t-temp qed jiqliel.

Huwa mifhum li lbieraħ, l-awtoritajiet Maltin qalu lill-voluntiera abbord il-bastiment li jistgħu joqorbu biss 25 mil ‘il barra minn Malta. Iktar tard, dan in-numru nbidel għal 12-il mil, u issa nbidel għal 3 mili.

L-akkademiċi jridu lill-UE terfa’ responsabbiltà

Aktar minn 300 akkademiku minn madwar id-dinja, fosthom bosta Maltin, iffirmaw stqarrija bejniethom li qed titlob lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex jieħdu azzjoni u responsabbiltà għar-rifuġjati u l-immigranti li jinsabu bejn sema u ilma.

L-istqarrija ħolqitha Dr Maria Pisani, lettriċi fl-Università ta’ Malta u fundatriċi tal-NGO Integra Foundation.

“Il-baħar qed jiqliel” – Robin Jenkins

Robin Jenkins, li huwa dak li qed isuq il-bastiment Sea-Watch, kiteb li bħalissa, ir-riħ, ix-xita u l-għeja qed jaħdmu kontra t-tim abbord u t-32 immigrant Libjan, fosthom tarbija. Qal li qed jaraw lill-Ewropa fil-forma ta’ Malta, imma jinħassu daqslikieku huma mili u mili ‘l bogħod.

Jenkins qal li ma jistax jifhem kif 32 persuna u tarbija kapaċi jbeżżgħu daqshekk lin-nies. Qal li l-persuni abbord qed iħossuhom konfużi għax kien mingħalihom li l-Ewropa hi post ta’ kompassjoni, tolleranza u ċiviltà. Kellhom l-impressjoni li l-Ewropa hi post fejn in-nazzjonijiet jingħaqdu biex isolvu l-problemi u joħolqu sigurtà. Jenkins temm jgħid li dan qed iwasslu biex jiddubita l-fiduċja li kellu f’pajjiżu.

Fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, it-tim ta’ Sea-Watch qal li laħaq il-limitu tiegħu.

No one can say in the end they didn't know. "We are running out of fresh water and food supplies. We are now taking…

Posted by Sea-Watch on Wednesday, January 2, 2019

Sea-Watch diġà appellat lill-pajjiżi Ewropej, fosthom Malta, biex jgħinuha billi jdaħħlu lit-32 immigrant Libjan li hemm abbord.

F’messaġġ ieħor iżjed kmieni, Jenkins kiteb li minkejja l-ħafna messaġġi pożittivi li jirċievi dwar dak li qed jagħmel flimkien ma’ sħabu, kien hemm messaġġ wieħed li kiddu. Dan kien messaġġ negattiv mingħand stranġier, li kiteb li misshom jagħmlu toqba fil-dgħajsa fejn hemm il-passiġġiera. Hu u jinvestiga min hu, skopra kemm jidher li hu raġel ferrieħi b’ħajja sabiħa u pożittiva. Minkejja dan, ir-raġel ixerred messaġġi ksenofobiċi fuq il-midja soċjali. Jenkins qal li ma jistax jemmen li persuna bħal din tixtieq tibgħat lit-tfal f’qiegħ il-baħar.

I have received so many messages of support it is overwhelming. I am really encouraged that so many people are outraged…

Posted by Robin Jenkins on Tuesday, January 1, 2019

Infetħet petizzjoni biex tgħin lil dawn il-persuni li tista’ taċċessaha hawn.