Il-baġit tal-UE jiddomina l-laqgħa tal-mexxejja tal-istati membri

FILE PHOTO: An European Union flag flutters above the Germany's Christian Democratic Union party (CDU) headquarters after first poll results of the European Parliament elections in Berlin, Germany, May 26, 2019. REUTERS/Hannibal Hanschke

Read in English.

Il-mexxejja tal-UE se jiltaqgħu b’mod virtwali llum biex ikomplu d-diskussjoni fuq il-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin kif ukoll dwar il-fond speċjali ta’ 750 biljun ewro biex jgħin l-irkupru ekonomiku mill-pandemija tal-coronavirus.

L-aġenda tal-laqgħa ta’ dalgħodu tinkludi wkoll ir-relazzjonijiet mar-Renju Unit kif ukoll is-sanzjonijiet fuq ir-Russja.

Dwar Brexit, hu mistenni li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen se taġġorna lill-mexxejja Ewropej dwar id-diskussjonijiet li kellha aktar kmieni din il-ġimgħa mal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson. It-tnejn qablu li kien hemm bżonn ta’ progress fid-diskussjonijiet, iżda għad fadal differenzi kbar.

Intant, l-Unjoni Ewropea mistennija testendi s-sanzjonijiet ewlenin kontra r-Russja b’sitt xhur oħra. Dawn is-sanzjonijiet kienu ġew imposti wara l-invażjoni u l-ħtif tar-reġjun tal-Krimea fl-Ukrajna.

Baġit Ewropew u Fond ta’ Rkurpru – Soluzzjoni għadha ‘l bogħod

L-aktar diskussjonijiet diffiċli dalgħodu mistenni li jibqgħu ffukati fuq il-baġit Ewropew li jmiss, b’imbutattura min-numru ta’ pajjiżi li jridu jaraw l-UE tinvesti aktar biex tgħin l-ekonomiji jegħlbu l-kriżi attwali kif ukoll it-tnaqqis ta’ finanzjament disponibbli wara Brexit, filwaqt li erba’ pajjiżi, li ħadu t-titlu ta’ Frugal Four –  l-Awstrija, id-Danimarka, l-Iżvezja u l-Olanda, huma kontra li tiżdied sostanzjalment in-nefqa, b’mod partikolari jekk ma jiġux imposti riformi sostanzjali.

Barra mill-baġit għas-seba snin li ġejjin, fejn il-Kummissjoni qed tipproni nefqa li teċċedi t-triljun ewro, il-Kummissjoni Ewropew qed tipproponi wkoll Fond ta’ Rkupru ta’ 750 biljun ewro, 500 minnhom f’għotjiet u l-bqija f’self. L-għan tal-Kummissjoni hu li dawn il-fondi jkunu disponibbli minn Settembru, biex tingħata spinta lir-ritmu ekonomiku madwar il-kontinent.

Filwaqt li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa qed jimbuttaw favur aktar għotjiet minħabba li diġà jbatu minn djun sostanzjali u huma dipendenti aktar fuq it-turiżmu, l-imsemmija erba’ nazzjonijiet huma aktar favorevoli għal self.

Bosta Gvernijiet esprimew l-opinjoni li l-laqgħa tal-lum se sservi aktar biex titkompla d-diskussjoni u li mhux se jintlaħaq ftehim finali qabel laqgħa fiżika bejn il-mexxejja aktar tard dan ix-xahar.