Il-baġit se joffri tama lill-ħaddiema ta’ Malta Air?

Il-Ministeru għall-Ekonomija qal li l-baġit multimiljunarju li għandu jħabbar il-Gvern il-ġimgħa d-dieħla se juri l-pjan tal-Gvern li joffri opportunitajiet ta’ xogħol għal kulħadd. Il-Ministeru qal dan hu u jwieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar is-60 ħaddiem li se jitilfu xogħolhom minn mal-kumpanija tal-ajru Malta Air.

Il-ġimgħa li għaddiet Newsbook.com.mt ippubblika l-ittra li rċivew il-ħaddiema ta’ Malta Air li se tkeċċi sa 60 ħaddiem minħabba l-coronavirus. Dawn id-deċiżjonijiet tal-kumpanija li hija sussidjarja tar-Ryanair jidħlu fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju.

Ftit tal-jiem ilu, Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għall-Ekonomija għal reazzjoni għal dan. Staqsieh għaliex ma kkummentax fuq din it-tkeċċija pubblikament, u jekk hux beħsiebu jieħu xi passi sabiex isalva x-xogħlijiet, bħalma ġara fil-każ tal-ħaddiema tal-Air Malta.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministeru qal li jirrikonoxxi ż-żminijiet diffiċli li għaddejjin minnhom il-linji tal-ajru minħabba l-pandemija tal-coronavirus, peress li l-ajruport ingħalaq għal xahrejn. Bħala Gvern, wiegħed il-Ministeru, se jkompli jaħdem biex joħloq opportunitajiet ta’ xogħol għal kulħadd, u l-baġit imħabbar il-ġimgħa d-dieħla għandu jservi ta’ turija ta’ dan.

Il-Ministeru spjega wkoll li l-Air Malta u l-Malta Air huma żewġ kumpaniji separati li jaqgħu taħt shareholders differenti.

Fl-ittra mibgħuta lill-ħaddiema tal-Malta Air, il-kumpanija qalet li tbassar li dan se jfisser telf ta’ 20% tal-ħaddiema bbażati f’Malta, li jfisser sa 20 bdot u sa 40 membru tal-ekwipaġġ tal-kabina. B’kollox hemm 179 persuna jaħdmu fil-bażi Maltija tal-Malta Air. Il-kumpanija se tkun qed tkeċċi lin-nies skont min daħal l-aħħar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn