Il-Baġit se jitħabbar f’konferenza; id-dibattitu parlamentari għall-Erbgħa

Read in English.

Intlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni li d-dibattitu Parlamentari dwar il-Baġit se jsir nhar l-Erbgħa li ġej. Dan wara li t-Tnejn il-Prim Ministru jħabbar il-miżuri f’konferenza tal-aħbarijiet.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-qbil intlaħaq wara l-attivitajiet b’rabta mas-Sette Giugno li saru dalgħodu, fejn il-Gvern laqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni li d-dibattitu jsir nhar l-Erbgħa.

Cutajar stqarr li fi tmiem id-dibattitu Parlamentari li se jtul seduta sħiħa, mhux se jittieħed vot. Hu mifhum li din il-proċedura mistennija tiġi fformalizzata fil-Business House Committee tal-Parlament nhar it-Tnejn fit-3pm.

Nhar it-Tnejn li ġej, minflok fil-Parlament, il-miżuri se jitħabbru mill-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet.  Għadu mhux magħruf il-ħin li se ssir din il-konferenza.

Sorsi qrib il-proċeduri Parlamentari qalu li qatt ma kien hemm sitwazzjoni fil-pajjiż, fejn Gvern kellu jressaq iktar minn baġit wieħed. Għaldaqstant il-possibilità hi li jiġi nkluż b’mod retrospettiv fil-Baġit li l-Gvern iħabbar għas-sena d-dieħla.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn