“Il-Baġit se jindirizza l-kera għolja” – Michael Falzon

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-Baġit 2018 se jkun fih miżuri li se jindirizzaw l-għoli tal-kirjiet, li fi kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil hija pjaga dejjem tikber.
Dr Busuttil staqsa lil Ministru Falzon fil-Parlament dwar x’inhi l-politika tal-Gvern dwar is-suq tal-kera.
Falzon indika li mhux se jkun hemm kontrolli fuq il-prezzijiet tal-kera u stieden lill-Oppożizzjoni tgħid jekk tridx hekk.
Fil-Parlament, Dr Falzon qal li l-Gvern għandu pjani li jżid madwar 160 appartament fosthom 80 fis-Siġġiewi.
Dr Falzon qal li l-Oppożizzjoni tilmenta li mhux qed isir biżżejjed iżda mbagħad qed toġġezzjona għall-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali, liema pjani ilhom fis-seħħ mill-2006 minn żmien Gvern Nazzjonalista.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista Mario Demarco rrimarka li fl-aħħar erba’ snin ta’ Gvern Laburista ma nbeniex u ma xtara l-ebda post mill-Gvern biex jintuża għall-akkomodazzjonijiet soċjali.