Il-baġit se jgħin lil min hu bieżel u jiġġieled l-abbuż – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-baġit għall-2015 se jkun l-ewwel wieħed fejn Gvern se jiġġieled l-abbuż li jsir fuq il-benefiċċji soċjali.
Sostna li l-Gvern iddeċieda li jieħu dawn il-miżuri għalkemm kellu l-għażla li ma jagħmel xejn bħall-Gvernijiet preċedenti.
Enfasizza li ma jistax jibqa’ l-każ fejn iż-żgħażagħ jibqgħu mingħajr xogħol u dipendenti fuq is-servizzi soċjali sakemm jaslu għall-età tal-irtirar.
Il-Prim Ministru qal ukoll li l-baġit se jara l-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti li se jgħinu fit-tkabbir ekonomiku u kif il-ġid li se jiġi ġġenerat jitqassam b’mod ġust.
Qal li fil-baġit hemm miżuri li se jgħinu lil min hu bieżel u lil dawk li huma żvantaġġati fis-soċjetà.
Matul konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Viċi Prim Ministru Louis Grech u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, Joseph Muscat qal li l-baġit intlaqat b’mod pożittiv mill-maġġoranza tal-imsieħba soċjali.
Tkellem ukoll dwar il-kritika li l-Gvern irċieva mingħand NGOs fil-qasam ambjentali u sostna li l-qasma bejn l-ambjent u l-ippjanar fil-MEPA matul is-sena d-dieħla se ssaħħaħ is-settur ambjentali.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq il-kritika li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni u saħaq li Simon Busuttil ma jistax jikkritika miżuri bħat-tnaqqis fir-rata tat-taxxa meta kien il-Partit Nazzjonalista li ressaq din il-proposta.
Mistoqsi mill-ġurnalisti, Joseph Muscat qal li jemmen il-verżjoni tal-Ministru Helena Dalli li x-xogħlijiet fil-farmhouse taż-Żejtun fil-limiti ta’ Marsaskala qed isiru mill-persuna li se tixtri l-propjetà.
Dwar il-każ tal-allegat kunflitt ta’ interess mid-Deputat Laburista Luciano Busuttil, il-Prim Ministru qal li se jistenna l-investigazzjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Dwar it-trasport pubbliku, Joseph Muscat qal li l-Gvern jinsab kunfidenti li l-operatur il-ġdid se jkun qed iħaddem dan is-settur minn Jannar li ġej. 

Reazzjoni PN
Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Prim Ministru Joseph Muscat inqabad jigdeb, din id-darba biex jiddefendi x-xogħol deskritti bħala illegali li qed tagħmel il-Ministru Helena Dalli fil-farmhouse tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija jsostni li Helena Dalli kienet taf bix-xogħlijiet għaliex il-propjetà u gaffa li qed tagħmel ix-xogħol huma tagħha. 

Ritratt: DOI – Omar Camilleri