Il-Baġit ma jindirizzax il-problemi tal-Qorti – Delia

Miguela Xuereb

Il-Baġit 2020 ma jindirizzax il-problemi li qed jaffaċċja l-Qorti. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-Parlament ilbieraħ.

L-Oppożizzjoni qalet li tixtieq tara sistema ġudizzjarja aħjar. Dan filwaqt li sostniet li l-Ministru għall-Ġustizzja m’għandux viżjoni meta jippjana l-baġit. Delia żied jgħid li l-Ministeru għall-Ġustizzja falla milli jidentifika problem eżistenti u għaldaqstant la se jkun jista’ jindirizahom u lanqas isolvihom.

Delia tkellem dwar iż-żmien li wieħed għandu jdum jistenna sakemm tinqata’ sentenza, iċ-ċentru tal-medjazzjoni u d-diġitalizazzjoni tal-Qrati.

Hu u jitkellem dwar id-diġitalizazzjoni, l-Kap tal-Oppożizzjoni osserva li d-deċiżjonijiet u d-digrieti ma kienux qed jittellgħu kollha fuq il-website tal-Qorti. Qal li b’hekk il-website mhux qed taqdi lil dawk li jkunu jixtiequ jagħmlu użu mis-servizzi online tal-Qorti. Hu kkritika l-website tal-Qorti u ddeskriviha bħala waħda bażika għall-aħħar. Delia nnota wkoll li l-liġijiet ta’ Malta mhux kompluti. Semma li l-Atti tal-Parlament disponibbli online huma mill-1964, filwaqt li dawk ta’ snin preċedenti mhumiex disponibbli.

Delia osserva wkoll li numru ta’ rakkomandazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni Bonello tpoġġew fuq l-ixkaffa. Dawn jinkludu meta liġi hija ddikjarata li tmur kontra l-kostituzzjoni mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali u l-Qorti Kostituzzjonali, il-liġi għandha torbot lil kulħadd u mhux biss lil dawk involuti fil-każ. Semma wkoll li l-membri tal-ġudikatura li jippresjedu fuq il-Qorti Kostituzzjonali ma għandhomx jippresjedu fuq Qrati oħrajn ħalli ma jkunx hemm backlog.

Intant, Delia ressaq numru ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex jissaħħaħ is-settur tal-ġustizzja. Il-proposti jinkludu t-tisħiħ ta’ alternattivi differenti ta’ riżoluzzjonijiet ta’ kunflitti, it-tnaqqis ta’ żmien ta’ stennija, użu ta’ teknoloġija b’mod aktar effiċjenti, pubblikazzjoni ta’ verżjoni reveduta tal-liġijiet ta’ Malta, fost oħrajn.