“Il-Baġit juri l-impenn tal-PL li jwettaq il-wegħdi elettorali” – Chris Cardona

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista (PL) Chris Cardona, qal li l-Baġit li tressaq nhar it-Tnejn li għadda juri l-impenn tal-Partit Laburista li mill-Gvern iwettaq il-wegħdi elettorali tiegħu.
Cardona kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fejn spjega wkoll li 70% tal-miżuri tal-Baġit huma mill-manifest elettorali tal-PL.
Byron Camilleri, il-whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, qal li l-grupp parlamentari hu kburi li dan hu l-ewwel  Baġit fejn f’diversi aspetti huwa tal-ewwel.
“Il-familji Maltin u Għawdxin aħjar milli kienu jumejn ilu” – Fearne
Sadanittant, f’konferenza f’Kastilja, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-baġit tal-2018 jibni fuq dak ta’ qablu u li jagħmel il-pedamenti għall-baġits li ġejjin biex ilesti lil Malta għall-futur.
Stqarr li llum, il-familji Maltin u Għawdxin jinsabu aħjar milli kienu jumejn ilu.
“Il-Baġit hu b’saħħtu għax l-ekonomija hi b’saħħitha” – Scicluna
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li l-Baġit hu b’saħħtu għax l-ekonomija hi b’saħħitha. Fi kliemu, dan il-Baġit jiffoka li għas-snin li ġejjin jinżamm surplus modest ta’ 0.5% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD). Stqarr li dan qed isir biex jitnaqqas id-dejn tal-pajjiż b’mod assolut.
Skont Scicluna, il-Baġit jindirizza t-tliet sfidi prinċipali tal-pajjiż għall-futur: il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq Maltin, l-akkomodazzjoni, u l-immaniġġjar tal-iskart.
“Aktar benefiċċji għall-familji” – Falzon
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Familja Michael Falzon stqarr waqt konferenza tal-aħbarijiet li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-in work benefit permezz ta’ żieda ta’ għotja ta’ flus għal kull wild.
"Il-Gvern għandu għal qalbu lill-pensjonanti” – Nisa Laburisti
Fi stqarrija, in-Nisa Laburisti qalet li l-Baġit huwa riflessjoni ta’ kemm il-Gvern għandu għal qalbu lill-pensjonanti b’enfasi fuq in-nisa, ir-romol u anke familji bi dħul baxx li se jerġgħu jaraw żieda fl-in work benefit fost l-oħrajn.
Ritratt: PL