Il-baġit jimlina bil-kuraġġ biex nibqgħu għaddejjin – Aġenti tal-propjetà

35 miżura soċjali ġdida b'vot ta' €2 biljuni biex jitwettqu - Falzon

Read in English.

It-taqsima tal-aġenti tal-propjetà fi ħdan l-assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin stqarret li l-miżuri tal-baġit se jippermettu lis-suq tal-propjetà jibqa’ għaddej wara li l-Gvern se jimplimenta wħud mill-proposti mressqa minnhom.

Fi stqarrija, l-aġenti tal-propjetà qalu li l-estensjoni u t-titjib tal-iskema tal-First Time Buyers, il-kontinwazzjoni tat-tnaqqis fit-taxxi kemm għax-xerrej kif ukoll għall-bejjiegħ u l-wage supplement huma fost il-proposti mressqa li se jiġu implimentati mill-Gvern.

Il-kap tat-taqsima, Douglas Salt, qal li hu vitali li fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi diffiċli li jinsabu fihom il-Gvern aċċetta s-suġġerimenti tagħhom biex jagħti daqqa t’id lill-eluf ta’ familji li jiddependu minn din l-industrija.

“Filwaqt li napprezzaw li l-kaxxa ta’ Malta u l-ekonomija jinsabu f’diffikultà minħabba l-pandemija, l-impenn tal-Gvern li jgħin f’dan iż-żmien diffiċli jimlina bil-kuraġġ biex nibqgħu għaddejin.”

35 miżura soċjali ġdida b’vot ta’ €2 biljuni biex jitwettqu – Falzon

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li fil-baġit tħabbru 35 miżura soċjali u ġew ivvutati €2 biljuni biex jitwettqu. F’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri soċjali tal-baġit, Falzon qal li għal darb’oħra kien hemm żieda fil-benefiċċju taċ-children’s allowance, li minnha se jibbenefikaw 40,000 familija b’60, 500 tifel u tifla.

Flimkien ma’ din iż-żieda se jkun qed jingħata suppliment addizzjonali li jitħallas għal kull wild fil-familja. Fejn id-dħul tal-familja ma jaqbiżx il-€25,318 fis-sena, ir-rata ta’ dan is-suppliment se tkun ta’ €70 fis-sena għal kull wild.

Min-naħa l-oħra, għall-kumplament tal-familji fejn id-dħul jaqbeż dan l-ammont, is-suppliment se jkun ta’ €50 fis-sena għal kull wild.

B’dan il-mod, familja tipika b’żewġt itfal taħt is-16-il sena, jekk id-dħul tal-familja ma jaqbiżx il-€25,318, se tkun qed tieħu żieda ta’ €140 fis-sena waqt li fejn id-dħul jaqbeż dan l-ammont tieħu żieda ta’ €100.

Dwar il-pensjonijiet, il-Ministru qal li kull pensjonant se jgawdi minn żieda ta’ €5 fil-ġimgħa li tfisser żieda ta’ €260 fis-sena lill-pensjonanti.

Ir-reazzjonijiet tal-bieraħ hawn:
Baġit 2021: Min ifaħħar, min imaqdar