Awdjo: ‘Il-Baġit jgħaddi fl-ewwel laqgħa tal-Parlament’ – Il-PM Dr Muscat

Fl-ewwel sessjoni tal-Parlament, mistenni jiġi ppreżentat il-Baġit tal-Gvern għal din is-sena.

Il-PM Dr Muscat ħabbar dan wara li ħa l-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tal-President. Huwa qal li l-Parlament mistenni jitlaqqa’ madwar ħmistax oħra wara l-Għid, wara li ssir konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni.

Intant, għada jew pit’għada, Dr Muscat mistenni jħabbar il-kabinett il-ġdid. Qal li wara tibda l-ħidma fuq il-wiegħda tal-PL biex jitraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Huwa qal li hu se jkun qed imexxi Gvern Ewropeista u favur ‘Social Europe’. Qal li mhux se jkun hemm bidliet fil-pjan għas-summit ta’ nhar il-Ħamis.

Fi żmien tliet xhur mistennija jgħaddu tliet liġijiet ġodda filwaqt li jibdew jitħaddmu l-istrutturi ta’ liġijiet oħra, fosthom tal-parole u tal-IVF. Sal-aħħar tas-sena għandha tiġi implimentata r-riforma fil-qasam tal-ġustizzja u r-riforma fil-ġudikatura.

Dr Muscat qal li jqis il-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru bħala responsabbilta’, unur u privileġġ.