Il-baġit għandu jinċentiva li r-rota tal-konsum tibda ddur – ekonomista

L-ekonomista Dr Philip Von Brockdorff saħaq li jistenna li l-baġit li se jkun ippreżentat nhar it-Tnejn li ġej, ikun baġit li jinċentiva l-konsum, b’mod li jikkumplimenta dak li sar sa issa fl-għajnuniet supplimentari fuq il-pagi li ngħataw f’dawn l-aħħar xhur.

Dr Philip Von Brockdorff kien qed jiġi intervistat waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103. Dr Von Brockdorff qal li l-għajnuna supplimentari għall-pagi kienet strumentali biex ma jkollniex kollass totali fuq l-ekonomija u l-qgħad kien limitat.

L-ekonomista tenna li l-inċentivi jridu jkunu akkumpanjati wkoll minn inċentivi oħra biex jgħinu lis-settur tan-negozju jipprepara lilu nnifsu għall-evoluzzjoni li nbdiet biex il-bejgħ u x-xiri online ikun wieħed li jkun appoġġjat mill-infrastruttura neċessarja kemm teknoloġika kif ukoll dik loġistika, biex is-settur jkun jista’ jikkompeti mal-kompetizzjoni barranija.

Fuq kollox, kompla Dr Von Brockdorff, irid ikun hemm mod li nibdew naraw kif is-supply chain lejn Malta tkun garantita.  Il-Professur Von Brockdorff qal li l-pjan ta’ rkupru preżentat mill-Unjoni Ewropea, huwa pjan li jeħtieġ li jiġi approvat. Fisser li sakemm dan isir jieħu ż-żmien.

Saħaq li għalhekk huwa importanti li l-baġit li se jkun preżentat nhar it-Tnejn ikun wieħed li jinċentiva b’mod li tibda ddur ir-rota ekonomika fi żmien fejn issa s-slow down ekonomiku jista’ jkollu impatt fuq id-dħul tal-Gvern.

“Il-gvern bħalissa mhu qed idaħħal xejn bħal taxxi, VAT u taxxa dovuta. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk għal xhur sħaħ għax il-gvern ikollu sfida qawwija ħafna fejn jidħlu ħlasijiet bħall-pagi, benefiċċji soċjali u investimenti”, kompla jgħid l-ekonomista.

Huwa spjega li biex l-ekonomija timxi ’l quddiem trid tistrieħ bilfors fuq dawk l-affarijiet li jiġġeneraw attività ekonomika, fosthom is-settur tal-kostruzzjoni, ir-retail, u t-turiżmu.

Fisser li t-turiżmu ta’ kwalità li nistrieħu fuqu mhux se jseħħ malajr. Sostna li għalhekk hu meħtieġ li ssir ħidma fuq l-istrutturi neċessarji għal ekonomija diġitali u online shopping, għax b’hekk jista’ jinħoloq ċertu xogħol u impjiegi.

Biss, spjega Dr Von Brockdorff, hemm bżonn ta’ ideat ġodda ta’ kif jinħoloq ix-xogħol.

Rappurtaġġ addizzjonali: Liz Cutajar