Il-baġit approvat u l-Parlament aġġorna għall-14 ta’ Jannar

Fi tmiem is-seduta tal-Parlament tal-lum li fiha ġew approvati l-estimi u voti tal-ministeri kollha f’sensiela ta’ votazzjonijiet li ssejħu għal kull ministeru, il-Parlament approva l-baġit sħiħ tal-Gvern għas-sena d-dieħla u d-deputati taw vaganza ta’ xahar lilhom infushom. Dan għaliex il-Parlament mistenni jerġa jitlaqqa’  nhar it-Tnejn 14 ta’ Jannar.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ngħaqad mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u l-viċi kap tal-Partit Nazzjonalista David Aguis meta awguraw lil xulxin għal Milied ħieni u s-sena l-ġdida. Huma awguraw u rringrazzjaw lill-ħaddiema kollha tal-Parlament, lill-Pulizija responsabbli mis-sigurtà tal-binja tal-Parlament, u lill-poplu kollu Malti b’mod speċjali lil dawk kollha li jsewgu x-xogħol tal-Parlament.

Abela qal li minkejja d-diverġenzi fl-opinjoni li jinqalgħu bejn iż-żewġ naħat, fl-aħħar tal-ġurnata, l-interess nazzjonali dejjem jirrenja fix-xogħol tal-parlament.

L-Ispeaker qal li l-istaff tal-Parlament jagħmel il-mirkali u jaħdem b’mod magħqud. Temm jawgura li s-sena d-dieħla t-tensjoni bejn iż-żewġ naħat tal-kamra tonqos.