Il-Baġit approvat u l-Parlament aġġorna għall-11 ta’ Jannar

Fi tmiem is-seduta tal-Parlament tal-lum li fiha ġew approvati l-estimi u voti tal-ministeri kollha f’sensiela ta’ votazzjonijiet li ssejħu għal kull ministeru, il-Parlament approva l-baġit sħiħ tal-Gvern għas-sena d-dieħla u d-deputati taw vaganza ta’ xahar lilhom infushom. Dan għaliex il-Parlament mistenni jerġa’ jitlaqqa’ nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar.

Fil-bidu tas-seduta tal-Parlament tal-lum ġew approvati numri ta’ emendi mressqa mill-ministeri kollha f’sensiela ta’ votazzjonijiet li ssejħu wara li ntalbet division. F’seduta li bdiet fis-2pm, l-emendi għaddew kollha b’36 vot favur u 27 kontra. L-emendi saru wara li fl-aħħar tax-xahar li għadda l-Prim Ministru Robert Abela għamel reshuffle fil-kabinett.

It-tibdil fid-dekasteru u l-ħolqien ta’ ministeri ġodda wassal biex il-voti tal-ministeru li d-diskussjoni dwarhom kienet diġà seħħet fil-Parlament kellhom jiġu emendati qabel ma jittieħed il-vot finali dwar l-estimi.

Saret ukoll diskussjoni fuq il-Ministeru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija wara l-Covid-19. Ministeru ġdid li kien spiċċa bla vot u peress li nħoloq wara r-reshuffle ta’ Novembru.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-Prim Ministru Robert Abela “ivvinta ministeru ġdid biex issa għandna l-aktar kabinett fl-istorja meta ħsibna li ta’ Joseph Muscat kien ħa jkun l-ikbar.”

“Iċ-ċajta hi li Malta l-iżgħar stat membru tal-UE, u għandha kabinett ikbar minn tal-Ġermanja li hu l-ikbar stat membru tal-UE bi 83 miljun ruħ.

“Issa nifhem li m’għandux ikollok kabinett żgħir, iżda li kważi d-deputati kollha tal-Gvern jinsabu fil-kabinett hija farsa għax kważi ma fadal ħadd fuq il-backbench,” stqarr Callus.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-kabinett se jiswa lill-pajjiż €1.5 miljun fis-sena, bil-vot għar-riċerka tal-Università jlaħħaq biss €1.2 miljun fis-sena. Tant hu fqir dan il-vot li wassal lir-Rettur tal-Università jilmenta minn dan.

Tal-istess opinjoni kien Claudio Grech (PN) li qal li l-istat tar-riċerka u l-iżvilupp fil-pajjiż hu inkwetanti għaliex skont il-Eurostat Malta tinsab fil-post ta’ qabel tal-aħħar fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp b’nefqa ta’ 0.6% tan-nefqa li jagħmlu pajjiżi oħra.

Huwa qal li fl-2018 il-Gvern nefaq inqas minn €1 miljun fir-riċerka. Dan riżultat li l-pajjiż ma jemminx biżżejjed fir-riċerka u l-innovazzjoni. Claudio Grech qal li l-ikbar innovazzjoni tal-gvern kienet li jbigħ il-passaporti.

Hu sostna li l-banek kummerċjali ma jappoġġjawx ideat ġodda li jwasslu ż-żgħażagħ waqt li l-inċentivi li jeżistu huma ftit wisq biex ikunu effettivi.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li jidher li hemm qbil bejn l-Oppożizzjoni u l-Gvern dwar il-viżjoni li għandu jkollu l-Gvern fil-qasam tal-innovazzjoni.

Huwa qal li l-ikbar sfida għalih se jkun li jsib l-investiment għar-riċerka u l-Innovazzjoni. Huwa qal li l-Oppożizzjoni jmissha mhux tikkritika l-programm tal-bejgħ tal-passaporti iżda tħeġġu biex jieħu kemm jista’ jkun fondi minn dan il-programm għar-riċerka. Bonnici qal li jrid jiftaħ diskussjoni mal-banek biex dawn joffru appoġġ finanzjaru għar-riċerka u innovazzjoni.

Bonniċi stqarr li l-għan tiegħu hu li joħloq eko-sistema ta’ innovazzjoni li trid tibda mit-tfal fuq il-bankijiet tal-iskola.