Il-BA tissusidja 3 ġurnalisti fil-Kors tal-Qari tal-Provi

Il-ġurnalist ta’ newsbook.com.mt Frederick Zammit huwa fost it-tliet xandara li qed jibbenefikaw mill-Kors tal-Qari tal-Provi ssussidjat mill-Awtorità tax-Xandir.

L-Awtorità tax-Xandir minn żmien għal żmien toffri taħriġ lix-xandara sabiex itejbu l-użu tal-Malti f’xogħolhom. L-Awtorità tħallas korsijiet speċjalizzati fil-lingwa Maltija kif ukoll tissussidja dan il-kors lix-xandara.

Dan il-kors huwa twil sena u fih x-xandara ma jitgħallmux biss l-ortografija iżda wkoll il-binja u l-artikolazzjoni tal-kelma fost oħrajn.

Iż-żewġ xandara oħra li qed jibbenefikaw minn dan il-kors huma Deborah Cilia u Charmaine Vella mill-One. Dan il-kors huwa organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università u mill-Kunsill tal-Malti li fi tmiemu jwassal għaċ-Ċertifikat Universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti ta’ Livell 5 (MQF) u għax-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti.

Waqt it-tqassim tal-ftehim li sar bejn ix-xandara u l-Awtorità tax-Xandir, iċ-Chairperson tal-Awtorità Frank V. Farrugia qal li huwa wieħed mill- obbligi tal-Awtorità tax-Xandir li tgħin biex ittejjeb il-kwalità fix-xandir. Għalhekk l-Awtorità tħoss il-bżonn li tissusidja numru ta’ xandara kull sena u tħarriġhom fl-użu tal-lingwa Maltija.

Il-Kap Eżekuttiv Dr Joanna Spiteri qalet li fi tmiem il-kors dawn ix-xandara se jkunu qed iħejju rapport dwar l-użu tal-Malti li jitfa’ dawl ta’ kif għandu jintuża Malti tajjeb fix-xandir lokali.