Il-BA tibqa’ tipponta s-swaba’ lejn il-ġurnalisti dwar iċ-ċensura – IĠM

Read in English.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal li l-Awtorità tax-Xandir baqgħet tipponta s-swaba lejn il-ġurnalisti minflok bidlet id-deċiżjoni dwar iċ-ċensura tal-mistoqsijiet tagħhom wara l-konferenzi tal-aħbarijiet.

Nhar it-Tnejn li għadda, l-istazzjon pubbliku televiżiv Television Malta u l-istazzjon tar-Radju tal-PBS, Radju Malta, kellhom jaqtgħu t-trażmissjoni mat-tmiem tad-diskors tal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearn u s-Superintendent għas-Saħħa Prof. Charmaine Gauci. B’dan il-mod, min kien qed isegwi x-xandira diretta fuq dawn l-istazzjonijiet, ma setax ikompli jsegwi l-parti fejn jistaqsu l-ġurnalisti. B’reazzjoni għal dan, l-IĠM kien qal li l-Awtorità tax-Xandir qed tisforza lill-PBS jiċċensura l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Television Malta, kien spjegat li l-“PBS ma setax ixandar il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt il-konferenza tal-aħbarijiet b’mod dirett fuq TVM u Radju Malta biex ikun konformi ma’ deċiżjoni b’direttiva tal-Awtorità tax-Xandir mogħtija fis-16 ta’ Ġunju 2020.”

F’din id-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju, il-BA intalbet għal rimedju mill-Partit Nazzjonalista meta l-Prim Ministru wieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet partiġġjani minn xi ġurnalisti. Dan seħħ waqt konferenza tal-aħbarijiet relatata ma’ informazzjoni li ngħatat dwar il-coronavirus. Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearn u s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

Fi stqarrija, l-IĠM irrefera għal tweġiba mingħand l-Awtorità tax-Xandir li qalet li “kkunsidrat li filwaqt li l-konferenza tal-Prim Ministru kienet ta’ interess nazzjonali, u fiha nnifisha ma kkawżatx żbilanċ, l-element politiku tal-kummenti li saru ħareġ mill-mistoqsijiet mhux mistennija tal-ġurnalisti.” L-Awtorità insistiet li l-mistoqsijiet ma kellhom l-ebda rabta mas-suġġett tal-konferenza tal-aħbarijiet. Qalet ukoll li b’hekk kien hemm żbilanċ fl-imparzjalità skont l-Att 119 tal-Kostituzzjoni.

“Huwa xogħol il-ġurnalisti li jistaqsu l-mistoqsijiet. Huwa dritt fundamentali magħruf ukoll bħala ħelsien tal-espressjoni,” insista l-IĠM. Kompla jgħid li huwa fid-dmir ta’ politiku li jwieġeb għall-mistoqsijiet għax dan jaqa’ taħt trasparenza u kontabbilità.

L-IĠM qal li minflok tgħin lill-pubbliku il-BA għażlet li tiċċesura lil dawk li jitkellmu f’isem il-poplu, il-ġurnalisti u x-xogħol tagħhom, minflok ma ħaditha kontra l-politiċi “li ma jitilfux opportunità biex jintroduċu kontroversja politika.”