Il-BA ma tridx tiltaqa’ ma’ Bernard Grech għax m’għandux kariga uffiċjali

Aġġornat 05:33 PM
Sarah Cassar Dymond

Read in English.

L-Awtorità tax-Xandir qalet li mhux se tkun qed tilqa’ t-talba tal-kandidat Bernard Grech għal laqgħa għax hu m’għandux kariga uffiċjali.

Nhar it-Tnejn li għadda, l-istazzjon pubbliku televiżiv Television Malta u l-istazzjon tar-Radju tal-PBS, Radju Malta, kellhom jaqtgħu t-trażmissjoni mat-tmiem tad-diskors tal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearn u s-Superintendent għas-Saħħa Prof. Charmaine Gauci. B’dan il-mod, min kien qed isegwi x-xandira diretta fuq dawn l-istazzjonijiet, ma setax ikompli jsegwi l-parti fejn jistaqsu l-ġurnalisti. B’reazzjoni għal dan, l-IĠM kien qal li l-Awtorità tax-Xandir qed tisforza lill-PBS jiċċensura l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Television Malta, kien spjegat li l-“PBS ma setax ixandar il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt il-konferenza tal-aħbarijiet b’mod dirett fuq TVM u Radju Malta biex ikun konformi ma’ deċiżjoni b’direttiva tal-Awtorità tax-Xandir mogħtija fis-16 ta’ Ġunju 2020.”

F’din id-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju, il-BA intalbet għal rimedju mill-Partit Nazzjonalista meta l-Prim Ministru wieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet partiġġjani minn xi ġurnalisti. Dan seħħ waqt konferenza tal-aħbarijiet relatata ma’ informazzjoni li ngħatat dwar il-coronavirus. Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearn u s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

Bernard Grech, li qed jikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien kiteb ittra liċ-Chairperson tal-BA fejn talab biex jassigura li l-Awtorità immedjatament tirrevoka d-deċiżjoni li ħadet.

“Il-mistoqsijiet ta’ ġurnalisti waqt konferenza pubblika indirizzata minn kwalunkwe
politiku, wisq aktar minn Prim Ministru u Ministri tal-gvern, bl-ebda mod ma jistgħu joħolqu xi żbilanċ jew imparzjalità fix-xandir pubbliku stante li media kollha mistennija tkun mistiedna. Id-deċiżjoni tal-Awtorità tmur għal kollox lil hinn mill-funzjoni tagħha kif imfissra fil- Kostituzzjoni u hi għal kollox abbużiva,” insista Grech.

Hu talab għal laqgħa sabiex issir diskussjoni wiċċ imb wiċċ. Propju llum, iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir Frank Farrugia, bagħat ittra lura lil Grech fejn qallu li fid-dawl li m’għandux kariga uffiċjali, l-Awtorità mhix f’pożizzjoni li tiltaqa’ miegħu fiċ-ċirkustanzi preżenti. Hu fakkar fl-istqarrija li ħarġet l-awtorità lbieraħ fejn “spjegat il-pożizzjoni tagħha u ċċarat dak li kien qed jiġi rrappurtat.”

L-Awtorità tax-Xandir qed tonqos liċ-ċittadini – Dr Grech

F’ittra li bagħat aktar tard illum bħala tweġiba, Dr Grech wera dispjaċir li l-Awtorità tax-Xandir ma laqgħetx l-istedina tiegħu għal laqgħa. Fisser li jħoss li laqgħa magħhom saret aktar importanti “wara l-istqarrija inkwetanti li l-Awtorità ħarġet li minflok iċċarat il-kontroversja tagħti lok għal aktar dubji u mistoqsijiet dwar kif l-Awtorità qed taqdi l-funzjoni tagħha.”

Grech spjega li ma jistax jifhem kif l-Awtorità tqisha funzjoni tagħha li tiddeċiedi li ma tħallix mistoqsijiet tal-midja jixxandru fuq l-istazzjon nazzjonali. Li l-Awtorità tqis li dawn il-mistoqsijiet u t-tweġibiet jistgħu jixxandru fuq il-midja indipendenti iżda mhux fuq dik nazzjonali, skont Grech, “hi ammissjoni ta’ kif l-Awtorità u l-istazzjon nazzjonali qed ifallu fil-missjoni tagħhom fir-rigward ta’ telespettaturi u semmiegħa li jsegwu fedelment il-mezzi tal-PBS. Fil-fehma tiegħi l-Awtorità qed iġġebbed x’tesiġi l-Kostituzzjoni f’dan ir-rigward b’mod li takkomoda lill-kelliema tal-Gvern.”

Għal Grech, “Huwa tassew stramb li filwaqt li l-Awtorità fl-istqarrija tagħha tgħid li m’għandha l-ebda diffikultà tiltaqa’ mal-stakeholders kollha, fl-istess ħin ħasset li m’għandhiex tilqa’ l-istedina tiegħi għal laqgħa għax m’għandix kariga uffiċjali meta l-Kostituzzjoni tipprovdi li ilment jista’ jsir minn ‘persuna’ milquta.”

Hu sostna li l-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom servizz aktar ġust mill-Awtorità tax-Xandir.

Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza