L-Arċipretali ta’ San Ġorġ mgħollija Kolleġġjata

Il-knisja Arċimatriċi u Arċipretali ta’ San Ġorġ Martri ġiet mgħollija għall-unur ta’ Kolleġġjata, mill-Arċisqof Charles Scicluna, filwaqt li libbes ċurkett f’idejn l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ.

Waqt il-quddiesa pontifikali, l-Arċisqof Charles Scicluna ddikjara lill-Knisja ta’ San Ġorġ kolleġġjata f’jum il-festa.

It-titlu ta’ Kolleġġjata jġib miegħu tbiddil fil-vestarju u titli li jingħataw il-qassisin ta’ dik il-paroċċa. Il-kolleġġjata hi magħmula minn grupp ta’ qassisin li issa jibdew jissejħu Kanonċi li għandhom l-obbligu li jiltaqgħu u jitolbu flimkien kuljum f’ħinijiet partikolari u jiċċelebraw funzjonijiet partikolari. Hu unur mill-kbar nett li knisja ssir Kolleġġjata.

Barra minn hekk, is-Sibt, l-Arċipriet Dun Mario Mangion inħatar kavallier fl-Ordni Militari Kostantinjan ta’ San Ġorġ u sar l-ewwel kanoku fil-kapitlu Ġorġjan.