‘Il-5G tagħmel il-ħsara lis-saħħa tal-bniedem’ – Godfrey Farrugia

L-eks-Ministru għas-Saħħa Godfrey Farrugia qal li t-teknoloġija 5G tista’ tkun ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem. Huwa kien qed jitkellem fil-Parlament waqt it-tieni qari tal-emendi dwar l-att li jwaqqaf l-Awtoritá tal-Komunikazzjoni.

Farrugia qal li filwaqt li hu xjentifikament pprovat li t-3G tista’ tikkawża ħsara fuq il-bniedem fosthom il-kanċer, il-5G hija aktar perikoluża b’użu iktar b’saħħtu tar-raġġi elettromanjetiċi.

Farrugia argumenta li waqt li hu jħares lejn l-użu tat-teknoloġija li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies b’mod pożittiv, l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA) għandha tingħata aktar poteri biex tħares is-saħħa tan-nies.

Huwa qal li l-użu eċċessiv tar-raġġi elettromanjetiċi tista’ twassal ukoll għal għeja u bidla fil-burdata.

L-eks-Ministru tas-Saħħa qal li filwaqt li ngħata s-serħan tal-moħħ mill-MCA fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li l-Awtorità għadha ma ħarġet l-ebda liċenzja lill-ebda kumpanija li tħaddem jew tittestja t-teknoloġija 5G, il-Gvern attira lejn Malta kumpanija partikulari biex tibda tittestja l-5G f’Malta.