Il-500 post ta’ akkomodazzjoni soċjali mhux se jinbnew mill-Gvern – Cassola

Read in English.

Arnold Cassola, il-kandidat indipendenti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, qal li hu tajjeb li l-Gvern ħabbar 500 post ta’ akkomodazzjoni soċjali ġodda, iżda mhuwiex verament il-Gvern li se jibniehom, iżda Malita Investments, li hija kumpanija rreġistrata mill-Gvern li topera indipendentament minnu.

Ilbieraħ, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ħabbar 500 post ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali biex b’hekk se jkun hemm total ta’ 1,700 post ġdid b’dan il-proġett soċjali.

Filmat: ‘Il-Gvern iħalli s-suq isuq’ – Muscat

Fi stqarrija, Cassola qal li dan ħabbritu Malita fil-laqgħa ġenerali annwali tagħha lbieraħ. Qalet li fil-fażi tal-kostruzzjoni ta’ dawn il-postijiet, hija se tkun dik li tieħu r-riskji finanzjarji. 

Cassola spjega li Malita ħadet pussess tal-artijiet billi ssellfet il-flus mill-Bank Ċentrali Ewropew, u se tibni dawn l-artijiet tul is-snin li ġejjin. Skont ftehim li għandha mal-Gvern, hija se tibqa’ fil-pussess tal-artijiet għat-28 sena li ġejjin. 

Fl-ewwel tliet snin se jinbnew il-postijiet, u mbagħad, fil-25 sena ta’ wara, il-Gvern jikri l-postijiet tal-akkomodazzjoni soċjali mingħand Malita b’somma li ma għadha ma ġietx żvelata. La jgħaddu l-25 sena, dawn ir-residenzi jsiru propjetà tal-Gvern Malti.

Il-kandidat temm jgħid li l-Gvern m’għandux jibqa’ jżomm is-sigrieti fuq kif jopera, imma għandu jkun trasparenti, u parti minn din it-trasparenza għandha tkun is-somma li l-Gvern se jħallas lil Malita għall-ftehim ta’ 28 sena.