“Il-31 ta’ Marzu jum ieħor ta’ ħelsien – ħelsien mit-trabijiet tal-arja” – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-31 ta’ Marzu 2014 se jkun jum ieħor ta’ ħelsien għaliex in-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta se jeħilsu mit-trabijiet tal-arja darba għal dejjem.
Waqt attività politika f’Birżebbuġa l-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-Moviment immexxi minnu u t-tim tiegħu huwa wieħed li jippromwovi l-kuraġġ u jġib l-aħbarijiet tajbin. L-ewwel aħbar tajba li ħabbar kienet li poplu tan-naħa t’isfel ta’ Malta se jeħles mill-mard u mill-miljun tunnellata emissjonijiet fis-sena. Huwa tenna li dawn l-emissjonijiet se jinħelsu minnhom darba għal dejjem.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-moviment u qal li l-moviment jinsab fuq in-naħa t-tajba tal-istorja minkejja li mhux dejjem kien hekk. Għamel referenza ukoll għal Dom Mintoff u qal li huwa missier Malta għax qatt ma beża’ mit-teħid tad-deċiżjonijiet. Dr Muscat sostna li l-poplu għandu għażla li jew jisma’ l-aħbar li jrid ibeżża’ jew inkella jagħżel il-moviment tal-kuraġġ. Huwa ħeġġeġ lin-nies sabies jimtlew bil-kuraġġ għax il-futur ta’ Malta huwa wieħed sabiħ ħafna.
It-tieni aħbar li ħabbar il-Prim Ministru hija l-ħaddiema tal-Enemalta mhux se jitilfu l-impjieg tagħhom. Kompla jgħid li taħt il-Partit Nazzjonalista l-ħaddiema kien jiġrilhom l-istess bħat-Tarzna u x-xufiera tal-linja għax kienet itirilhom rashom. Huwa assiguralhom l-aqwa ġejjieni speċjalment għaż-żgħażagħ li se jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li s-sena d-dieħla se jkunu qed jorħsu ukoll l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-kumpaniji.
Dr Muscat qal li l-PN għandu jinżel għarkobtejh u jitlob skuża għal ħsara li għamel f’25 sena lin-naħa t’isfel u ġabha qisha miżbla. Tenna li bħala Gvern l-għan tiegħu huwa li f’Birżebbuġa jitneħħew il-gassijiet tal-Enemalta.
Preżenti ukoll waqt din id-diskussjoni kien hemm il-kandidat tal-Parlament Ewropew  Charlon Gouder, il-Membru Parlamentari Justyne Caruana u l-Ministru Leo Brincat.