​Il-150 sena mit-twaqqif tal-parroċċa San Ġużepp fl-Imsida

Matul din is-sena, il-parroċċa ta’ San Ġużepp tal-Imsida iċċelebrat il-150 sena mit-twaqqif tagħha.
Fi stqarrija, il-parroċċa qalet li l-Vigarju Ġenerali Mons J. Galea Curmi mexxa konċelebrazzjoni fil-Knisja Parrokkjali nhar it-Tlieta 19 ta’ Diċembru. Jakkumpanjawh kien hemm ukoll il-Kappillan Dun Norman Zammit, Dun Alfred Camilleri, Dun Brendan Gatt u s-Saċerdot residenti fil-parroċċa Dun Vinċenz Cachia.
Fl-omelija tiegħu, Mons. Galea Curmi qal li kien propju fl-ewwel jum tas-sena meta inawgura ċ-ċelebrazzjonijiet għal dan l-anniversarju importanti għal din il-parroċċa. Stqarr li kienet sena ta’ avvenimenti importanti li fakkru l-150 sena minn meta l-Imsida nqatgħet minn Birkirkara u saret parroċċa għaliha.
Waqt il-Quddiesa, huwa enfasizza dwar il-ferħ ġewwieni li għandu jiġi protett fost il-komunità kollha sabiex dawk li huma berdin mill-Knisja, jersqu lejha.
Il-kor Shalom tal-Mosta mwaqqaf minn Dun Alfred Camilleri anima l-Quddiesa.
Il-parroċċa qalet li matul is-sena ġew organizzati diversi funzjonijiet reliġjużi u mużiko-letterarji biex jitfakkar dan l-anniversarju.
Ritratti: John Bason