“Ikxfu għaliex il-PM ipproteġieh” – Il-familja ta’ Daphne

Read in English.

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalet fi stqarrija li tliet snin wara li żvelat ir-reati finanzjarji kriminali u sentejn wara mill-assassinju tagħha, Schembri rriżenja minn Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Appellat lill-awtoritajiet Maltin biex iressqu lil Keith Schembri immedjatament dwar l-attività kriminali wiesgħa li hu involut fiha, kif ukoll biex jikxfu għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat ipproteġa lilu u lill-Ministru Konrad Mizzi għal tliet snin.

Saħqu li l-falliment li jitressqu Schembri, Mizzi u dawk li pproteġuhom kellhom konsegwenzi fatali fuqha. Żiedu jgħidu li jekk dan il-falliment jippersisti, din se jkollha konsegwenzi fatali fuq Malta.

Il-familja tal-ġurnalista assassinata, ħeġġet lill-Europol biex jipprovdu l-appoġġ meħtieġ lill-investigaturi, lill-prosekuturi u lill-maġistrati, li qed jippruvaw isibu tarf ta’ xibka ta’ ħasil ta’ flus bejn Malta u l-Ażerbajġan, f’ġurisdizzjonijiet diversi, speċjalment fl-Emirati Għarab Magħquda.