“Ikun sabiħ jekk nużaw lingwaġġ jaqbel ma’ Alla”

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech sostna li huwa verament sabiħ meta l-lingwaġġ tal-bniedem ikun jaqbel ma’ dak ta’ Alla. Dan qalu waqt omelija fis-Santwarju tal-Qawmien ta’ Lazzru f’Betanja l-Ħadd li għadda.

Għamel referenza wkoll dak li ġralu Ġuda meta Marija, oħt Lazzru, ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, li tiswa ħafna u biha dilket riġlejn Ġesù, sitt ijiem qabel il-festa tal-Għid meta mar għandha f’Betanja. Hi mbagħad ixxuttatlu saqajh b’xagħarha. L-Isqof irrimarka kif Ġuda ma fehemx it-tifsira ta’ din l-azzjoni u saħansitra kkummenta li dik il-fwieħa setgħet inbiegħet tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra. Spjega li hawn Ġuda ra l-importanza tal-flus, u mhux il-valur ta’ dak li għamlet Marija.

Irrakkonta wkoll kif fl-Aħħar Ċena mad-dixxipli tiegħu, Ġesù ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu. L-Isqof staqsa kemm minnha huma kapaċi li jmellsu u jidilku bil-fwejjaħ ir-reġlejn imdennsa tal-proxxmu, anke ta’ dawk li “jerħu r-riħa tal-mewt” kemm soċjali u anke spiritwali.

Fl-omelija, l-Isqof irrimarka li meta misjuqa bl-imħabba, bosta jaċċettaw li jitkissru għall-oħrajn, kemm fiż-żwieġ, fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-isport eċċ. Spjega wkoll li meta xi ħadd ikissirna, iżda nkunu nħobbuh, naħfrulu u nkomplu nħobbuh.

L-Isqof għamel referenza wkoll għad-diskors tal-Papa Franġisku dwar il-foqra, meta sostna li huma “l-laħam ta’ Kristu”, li huma sawk li għandhom riġlejhom maħmuġin u li jinsabu fix-xifer tal-mewt.