Ikun min ikun li jmexxi l-Istat, l-iskejjel tal-Knisja se jrawmu persuni sħaħ

“L-iskejjel tal-Knisja jħarsu ‘l quddiem b’fiduċja biex id f’id mal-Istat, ikun min ikun li jmexxiħ, irawmu persuni sħaħ, b’valuri nsara u umani ispirati mill-Vanġelu.”

Dan kien il-qofol ta’ memorandum li s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija ippreżenta lill-Partit Politiċi fil-kuntest tal-elezzjoni ġenerali.

Id-Delegat tal-Arcisqof għall-Iskejjel tal-Knisja Fr Charles Mallia u d-Direttur għas-Servizzi Edukattivi, Dr Rose Anne Cuschieri semmew l-importanza tal-formazzjoni f’kuntest Nisrani u l-promozzjoni tad-dinjità ta’ kull persuna fid-diversità tagħha.

Emfasizzaw l-ħidma f’qafas inklussiv li jwassal lejn parteċipazzjoni attiva, kritika u responsabbli fis-soċjetà u fil-Knisja.

Żiedu li għandu jkun hemm għażla preferenzjali favur il-fqar.

Fr Charles Mallia u Dr Cuschieri qalu li d-diversità bejn l-iskejjel tal-Knisja nfushom turi l-obbligu tal-iskejjel li mhux biss jaħdmu flimkien bejniethom, imma li jaħdmu wkoll id f’id mal-skejjel statali u indipendenti.

Dan il-kontribut ikun fattibbli permezz ta’ aċċess ġust għar-riżorsi, u l-allokazzjoni tagħhom għandha tkun waħda reali u garantita.

Il-ħidma tal-Knisja bi sħab mal-Istat, għandha twassal għal rispett sħiħ, kemm fil-prinċipju kif ukoll fil-prattika lejn l-awtonomija responsabbli. Għandu jkun hemm awtonomija fil-materji kurrikulari li jintużaw fl-iskejjel tal-Knisja, kif ukoll fl-appuntar u l-immaneġjar ta’ staff.

Is-Segretarjat qal li huwa stess għandu jiġi msaħħaħ permezz ta’ riżorsi u finanzjament adekwati, bl-istess mod kif id-Direttorat Għas-Servizzi Edukattivi jaħdem biex jikkordina l-iskejjel statali.

Semmew il-bżonn ta’ uffiċċju amministrattiv fid-Djoċesi ta’ Għawdex.

Żiedu li b’mod iktar wiesgħa, il-ftehim bejn l-Istat u s-Santa Sede għandu jiġi rispettat.

Il-memorandum sħiħ huwa aċċessibli hawn taħt.