“Ikun iktar feliċi li l-Gvern jikkonsulta mal-Oppożizzjoni” – L-Ispeaker

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li jkun iktar “feliċi” li l-Gvern jikkonsulta mal-Oppożizzjoni dwar dak li jkun maqbul bejn iż-żewġ naħħat fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, l-istess kumitat li jiddeċiedi l-aġenda tal-Parlament. L-Ispeaker qal li jkun “ideali” li jkun hemm ftehim u dak li jiġi miftihem jiġi rispettat. Min-naħa l-oħra huwa qal ukoll li l-Eżekuttiv għandu l-poetri li jiddeċiedi li ċertu seduti ma jsirux.

Farrugia qal dan meta ntalab mill-Oppożizzjoni biex jagħti d-deċiżjoni tiegħu għal dak li ġara ħamistax ilu meta l-Gvern aġġorna l-Parlament għal għaxart ijiem wara mingħajr qbil mal-Oppożizzjoni. Dan kien sar ġimgħa wara li l-Parlament fetaħ wara l-vaganzi tal-Għid u jum biss qabel kellha tibda diskussjoni dwar l-estimi tal-Awtoritá dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.

AQRA: Lejliet diskussjoni dwar l-embrijuni, il-Gvern jaġġorna l-Parlament

Dwar dak li ġara fil-Parlament, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius qal li l-Oppożizzjoni lesta ma titħolx għall-Kumitat dwar ix-xogħol tal-Kamra. Agius qal li l-Gvern irrenda l-Kumitat bħala “irrelevanti” għax l-aġenda maqbula ġiet injorata. Sostna li jekk il-Gvern ikun irid ibiddel deċiżjonijiet tal-Kumitat, l-Oppożizzjoni tkun disposta li tiddiskuti u taqbel mal-Gvern.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar informa lill-Ispeaker li fl-ebda mument ma kien hemm deċiżjoni dwar il-posponiment tas-seduti.

Il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne qal li fl-ebda mument ma mexa b’disrispett lejn il-Kumitat, fl-istess waqt li qal li l-Plenarja, fejn il-Gvern għandu seba’ siġġijiet maġġoranza, “għandha s-saħħa tagħha”.

Spjega li l-Gvern kellu talbiet minn għadd ta’ deputati Laburisti biex il-Plenarja tiġi sospiża minħabba attivitajiet politiċi. Dwar din ir-raġuni, Cutajar qal li l-Parlament qatt ma ġie pospost b’10 ijiem minħabba kampanji elettorali tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsilli Lokali.

Fearne sostna li l-Gvern ma biddilx l-aġenda tal-Parlament iżda ppospona bi ftit ġranet.

Fil-laqgħa li saret illum waranofsinhar, il-Kumitat qabel li jimxi skont l-iskeda kif ippreżentata mill-Whip tal-Gvern Byron Camilleri u għaldaqstant jiddiskuti l-estimi ta’ dħul u nfiq ta’ dawn l-awtoritajiet:

  • It-Tlieta 28 ta’ Mejju:
    4pm – L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu
  • L-Erbgħa 29 ta’ Mejju*
    L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
    *Għadu mhux ċert il-ħin ta’ din is-seduti minħabba l-hħadd tal-voti tal-Kunsilli Lokali li se jsir fl-istess ġurnata.
  • It-Tnejn 3 ta’ Ġunju
    9am – L-Awtorità għall-Protezzjoni ta’ Embrijuni
    4pm – Patrimonju Malta u Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali
  • It-Tlieta 4 ta’ Ġunju
    4pm – L-Awtorità tal-Ippjanar
  • L-Erbgħa 5 ta’ Ġunju
    4pm – L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)

Il-vot għal dawn l-estimi mistenni jittieħed l-Erbgħa fid-19 ta’ Ġunju.