Awdjo: “Ikun diżastruż jekk nagħtu messaġġ li l-kannabis mhix ħażina”

L-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna sostna li “jkun diżastruż jekk nagħtu messaġġ li l-kannabis ma fiha xejn ħażin, għal kuntrarju ta’ drogi oħra bħall-eroina u l-kokaina.”
Waqt il-programm Newsbook fuq RTK, l-Isqof Scicluna qal li dak li japplika għal drogi qawwija bħall-eroina u l-kokaina għandu japplika wkoll għall-kannabis, u l-persuni li jagħmlu użu minnha għandhom jintbagħtu għar-riabilitazzjoni huma wkoll.
Sostna li fil-white paper, il-kannabis “qed tiġi ikkunsidrata apparti, kważi eċċezzjoni tal-impostazzjonijiet kollha tal-white paper.” Żied jgħid li  japprezza li l-kannabis għadha illegali u jifhem li l-użu tagħha “mhux se jkun delitt imma kontravenzjoni.”
L-Isqof Scicluna qal li hu jgħabbi lill-politiċi bir-responsabbiltà li s-suq jiċkien u jinqabad it-traffikant.
Żied jgħid li mill-white paper joħroġ li d-droga hija vizzju u essenzjalment ħażina, u li jieħu pjaċir jisma’ li kulħadd jaqbel li d-droga għandha tibqa’ illegali. Sostna li huwa pass pożittiv li ma naħsbux biss fuq il-kastig, imma l-ewwelnett fuq il-ġid tal-persuna integrali u tal-familja tagħha.
Madanakollu, l-Isqof Scicluna qal li fil-white paper xtaq jara iktar enfasi fuq prevenzjoni, edukazzjoni, għarfien u informazzjoni. Sostna li l-kuntest ta’ kull żvilupp ‘għandu jkun lambranzetta ma’ kampanja edukattiva, prevenzjoni u għarfien. 
Qal li laqtitu frażi li qal l-Arċisqof Pawlu Cremona dwar id-droga, li “d-droga mhix ħażina għax illegali, hija illegali għax hi ħażina.”
Mistiedna oħra waqt il-programm Newsbook kienu l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, id-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, u Carmel Cacopardo mill-Alternattiva Demokratika.