Ikun Dak Li Trid Int – wirja sagra f’Birkirkara

Il-Kummissjoni TEAK (Talent, Elenjan, Arti u Kultura) fi ħdan is-Soċjetà Każin Santa Liena, Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara qed ticcelebra l-għoxrin anniversarju tal-wirjiet ta’ żmien il-Ġimgħa Mqaddsa.

Il-wirja sagra ta’ din is-sena qed terġa’ tittella’ ġewwa l-każin.F’din il-wirja nsibu l-mejda ta’ l-appostli fejn wieħed jista jammira diversi platti u kwadri maħduma bl-ismid, ross u għagin ikkulurit, kif ukoll sett statwi tal-appostli.

Fil-bidu u d-dħul għal wirja wieħed jista’ jara esibit simboli tal-Passjoni, bandalori artistiċi u statwa ta’ Ġesu’ Kristu Redentur life-size, xogħol l-istatwarji Għawdxin Michael u Adonai Camilleri Cauchi.

Fost il-ħafna affarijiet relatati mal-passjoni ta’ Sidna Ġesu’ wieħed jista jammira settijiet ta’ vari minn Joseph Cutajar Zahra, Paul Aquilina u Santini kif ukoll oġġetti u arti sagra. Nistgħu nammiraw ukoll l-abbozz tal-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, ġentilment provdut mill-Parroċċa ta’ Sant’Andrija f’Ħal Luqa fejn jinsab, xogħol l- artisti Għawdxin Chev. Michael u Adonai Camilleri Cauchi.

Bħal kull sena il-Kummissjoni TEAK dejjem taħseb għal dik l-attrazzjoni speċjali u fil-wirja ta’ din is-sena se jkun hemm għal darb’oħra platt kbir tond “stained glass” b’dijametru ta’ ħames piedi, u kif ukoll inkwatru kbir b’qies ta’ 12-il pied bi 8 piedi, it-tnejn li huma maħdum kollha bi smid ikkulurit u juru xeni meħuda mill-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Dan l-inkwatru l-kbir ilu jsir 18-il sena konsekuttivi, xi ħaġa unika fil-wirjiet tal-Gżejjer Maltin.

F’parti oħra ta’ din il-wirja wieħed jista’ jara ix-xena tal-ħasil tas-saqajn li jinkludi tlett personaġġi life size, Sidna Ġesu’ Kristu, u l-appostli Xmun Pietru u San Ġwann, maħduma kollha mill-istatwarju Girbi Andrew Bugeja.

Din is-sena, il-Kappella tas-Soċjetà li tinsab fl-ewwel sular tal-każin, ser tkun miftuħa għal pubbliku hekk kif se tkun armata għall-okkażjoni bis-Sepulkru.

Il-ftuħ uffiċjali tal-wirja ser isir nhar l-Erbgħa 10 t’April u tibqa miftuħa sas-Sibt 20 ta’ April.

Qabel il-ftuħ uffiċjali u t-tberik ta’ din il-wirja sagra, il-Banda Duke of Connaught’s Own sejra ttella’ Kunċert ta’ Marċi Funebri fis-sede tal-istess Soċjeta’ fi Triq il-Wied fis-7.00pm.

Il-banda tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Mro Aurelio Belli, l-Assistent Surmast Mro Neville Pace, l-għalliema tal-allievi Mro Steve Sant u Mro Melanie Mizzi u l-Viċi-President Mro Brian Calleja.

Dawn huma l-ħinijiet tal-ftuħ tal-wirja sagra:

  • Matul il-ġimgħa l-wirja mis-6.00pm sad-9.00pm
  • Ss-Sibt u l-Ħadd bejn l-9.30am u 12.00pm u bejn is-6.00pm u d-9.00pm
  • Ħamis ix-Xirka bejn is-6pm u l-11pm
  • Fil-Ġimgħa l-Kbira bejn id-9am u s-12.30pm
  • F’Sibt il-Għid bejn id-9.30am u 12.00pm