L-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ssoktat illum bix-xhieda ta’ Mario Philip Azzopardi u tal-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla. L-inkjesta għandha tiddetermina jekk l-istat u l-awtoritajiet setgħux jagħmlu iktar biex il-ġurnalista ma tinqatilx.
12:18 Dak kollox għalissa. Grazzi talli segwejtuna. Il-ġurnata t-tajba!
12:06 Is-seduta li jmiss se tkun nhar il-Ġimgħa fid-9.30am.
12:04 Ix-xhieda ta' Ian Abdilla tieqaf hawn.
12:02 Fuq talba tal-familja ta' Daphne Caruana Galizia, Dr Jason Azzopardi qed jistaqsi lil Ian Abdilla jekk qattx ħaseb jew ħass li l-investigazzjonijiet li kien qed jaħdem fuqhom, kinux relatati mal-assassinju tal-ġurnalista.
Abdilla li "fl-opinjoni tiegħu le".
12:00 Abdilla qed jgħid li l-Bord qed jagħmel differenza bejn investigazzjoni ta' PEPs u persuni ordinarji. Stqarr li l-Pulizija ma tagħmilx din id-distinzjoni. L-Imħallef Lofaro qalet li l-banek jagħmluha.
11:55 L-Imħallef Lofaro qalet li hi ilha minn Jannar ta' din is-sena tipprova tispjega għaliex il-Pulizija kellhom jinvestigaw.
11:45 Abdilla qed jerġa' jispjega għaliex ma investigawx ċertu individwi. Qal ukoll li hu dejjem żamm infurmat lill-Kummissarju tal-Pulizija ta' dak iż-żmien Lawrence Cutajar.
11:42 Azzopardi qed jispjega lill-Qorti, parti mil-liġi kriminali, li tispjega kif u għaliex Abdilla naqas milli jinvestiga. Abdilla wieġeb li ma jaqbilx ma' Dr Azzopardi.
11:39 "Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Pulizija bbażata fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali", stqarr Abdilla. Il-Bord innota li l-AĠ ħalla f'idejh l-investigazzjonijiet dwar Nexia BT.
11:37 "Tista' ma taqbilx dwar kif imxiet il-Pulizija, imma li sar sar bi spirtu tajjeb" – Abdilla
11:34 Ian Abdilla jgħid li hu qatt ma qal li l-Panama Papers m'għandhomx jiġu investigati, u qabel ma' Dr Azzopardi li kien hemm bażi għal investigazzjoni.
"U xorta bqajt ma investigajtx?" staqsa Jason Azzopardi.
Kompla jistaqsi: "Kif jista' jkun li ma ndunajtx li kien qed isir, sar, jew se jsir reat?"
11:32 Fir-rapport, Abdilla kiteb li kien hemm suspettati dwar trusts li fetħu Mizzi u Schembri.
11:29 Jason Azzopardi jaqra mid-dokument u jsemmi kif Tillgate – li hija ta' Keith Schembri – kienet mistennija tagħmel qligħ ta' €300,000 fis-sena.
Dr Azzopardi jinnota li l-kumpanija Kasco ta' Schembri, irreġistrat tnaqqis għal sentejn konsekuttivi u għaldaqstant tqum il-mistoqsija kif kien possibbli għalih li jagħmel €300,000 fi profitti.
11:26 Issa x-xhud Ian Abdilla qed jiġi mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi. Azzopardi se jsaqsi mistoqsijiet dwar l-Operation Green. Dan hu l-istess dokument li kienet qed tirreferi għalih Comodini Cachia.
11:21 Dr Therese Comodini Cachia tirreferi għall-minuti ta' rapport li nkiteb minn Abdilla f'Marzu 2017. Tispjega li Abdilla kiteb li l-Korp għandu jieħu l-parir tal-AĠ dwar l-investigazzjonijiet.
11:19 Abdilla qal li l-FIAU ħadu sentejn biex sabu ta' min kienet il-kumpanija 17 Black.
11:15 "Li b'mod volontarju tiddeċiedi li tistenna qabel tinvestiga s-servers ta' Nexia BT, qed tagħti lok li l-prova setgħet ġiet kompromessa", qal l-Imħallef Emeritu Michael Mallia.
11:12 L-Avukat Comodini Cachia titlob lix-xhud jgħid għaliex stenna għal mill-inqas sena, għal informazzjoni li setgħet tħassret jew ġiet encrypted. Abdilla qal li d-deċiżjoni ttieħdet flimkien ma' Silvio Valletta u l-Kummissarju tal-Pulizija fuq il-parir tal-AĠ.
11:08 Dwar is-servers ta’ Nexia BT, Ian Abdilla qal li dawn kienu investigati aktar minn darba – “ovvjament waqt l-inkjesta Egrant”.
11:05 Dwar il-laqgħat mal-AĠ, Abdilla qed jgħid li seta’ kien hemm iktar. Stqarr li meta saret il-laqgħa mal-AĠ, intalab jagħti lill-Korp dak li ġie diskuss bil-kitba.
11:04 It-talba lill-banek saret f’Jannar 2017.
11:03 L-avukat tagħti r-rapport lix-xhud. Jikkonferma dak li qalet Comodini Cachia.
11:02 Abdilla jidher iktar konfuż. Comodini Cachia stqarret li l-banek kollha wieġbu inkluż il-Bank Pilatus, imma mhux il-Bank of Valletta.
11:01 Abdilla qal iva imma mbagħad deher konfuż. Comodini Cachia reġgħet staqsiet jekk hux ċert li l-banek kollha wieġba.
10:59 Comodini Cachia qed tistaqsi lil Abdilla, jekk weġbuhomx il-banek kollha li kkomunikaw magħhom waqt l-investigazzjonijiet.
10:57 Abdilla qal li hu ma jiftakarx jekk xi ħadd qattx tah struzzjonijiet biex jagħmel ir-rapport.
10:56 L-Avukat Therese Comodini Cachia qed tistaqsi lix-xhud dwar rapport partikolari li ġie sottomess fl-10 ta’ Mejju 2016.
10:54 L-Imħallef Lofaro qalet lil Abdilla li kien għadu kif qal li ma investigax il-Panama Papers anke minħabba biża’ li jiġi kkritikat.
10:50 Ian Abdilla qal li dritt wara l-inkjesta ta’ Egrant, kien hemm bidla dwar kif jipproċedu fuq l-investigazzjonijiet l-oħra.
10:47 Il-Bord qed jispjega li fil-file ppreżentat fil-Qorti, Ian Abdilla kiteb li "jista' ma jkunx hemm provi". Il-Bord, frustrat bix-xhieda ta' Abdilla, qal li jekk kiteb hekk, ikun investiga biex jikkonkludi jekk kienx hemm provi, u ma jħallix l-investigazzjoni nofs leħja.
10:45 Dwar MacBridge, Ian Abdilla qed jgħid li sal-ġimgħa li għaddiet, sa meta kien jokkupa l-kariga ta' Kap tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi, il-Pulizija ma kellha l-ebda informazzjoni dwar din il-kumpanija f'Dubaj.
10:43 Il-Bord qed jgħid li Abdilla mhux iwieġeb il-mistoqsijiet li qed isirulu.
10:41 Il-Bord qed jibqa’ jistaqsi lil Abdilla. Ix-xhud deher konfuż u qal li bħala kap tat-taqsima l-prijorità tiegħu ma kinitx li jinvestiga lil dawk li huma speċifikament PEPs.
10:39 Il-Bord qed jistaqsi lil Ian Abdilla kemm influwenzah il-parir tal-AĠ biex jimxu bil-mod fl-investigazzjonijiet tal-Panama Papers.
10:34 Ċertu affarijiet li Abdilla qed jgħid li ma kinux jagħmlu sens għalih u għall-ECU biex jigu investigati, jidher li jagħmlu sens għall-Bord tal-Inkjesta.
10:33 Il-Bord tal-Inkjesta jgħid li jinsab konvint li Abdilla għandu informazzjoni dwar MacBridge.
10:31 Abdilla jgħid li ma kienx hemm tranżazzjonijiet ta’ flus minn 17 Black u MacBridge – it-Taqsima tar-Reati Kriminali fuq dawn l-investigazzjonijiet iffukat.
10:28 Ian Abdilla qal li jaħseb li iva, mil-lat amministrattiv, l-investigazzjonijiet fuq Hearnville u Tillgate ġew konklużi. Madanakollu żied jgħid li ma jistax jikkonferma dan.
10:27 Abdilla stqarr li l-eks Chief of Staff Keith Schembri, pereżempju, huwa negozjant. L-Imħallef Lofaro kkumentat li kulħadd jaf li fetaħ kumpanija l-Panama għal meta jirtira mill-politika, kif qal".
10:26 Abdilla qed jgħid li huwa legali għal PEP li jiftaħ struttura finanzjarja f'pajjiżi oħra, inkluż fil-Panama. "Il-Panama ma tfissirx ħasil tal-flus", żied jgħid. Il-Bord tal-Inkjesta ma jaqbilx ma' din l-istqarrija.
10:25 L-Imħallef Lofaro ma tidhirx konvinta mix-xhieda ta' Abdilla, u qaltlu li qed jirrepeti dettalji li diġà jafu.
10:23 Abdilla jgħid li la l-FIAU bdiet tinvestiga l-Panama Papers , kellha tkompli tinvestiga "għax l-ECU ma tistax tinterferixxi la l-investigazzjonijiet ikunu bdew diġà". Il-Bord tal-Inkjesta sorpriż bl-ispjega ta' Abdilla.
10:22 Ian Abdilla qed jispjega li l-ewwel rapport tal-FIAU inkludu ftit informazzjoni dwar Hearnville u Tillgate. Il-Bord jistaqsi kif inhu possibbli li l-Pulizija ma aċċertawx li dawn il-kumpaniji jiġu investigati.
10:21 Il-Bord jinnota li dan għadu ta' tħassib kbir għax jinvolvi persuni espospti politikament (PEPs).
10:19 Il-Bord jinnota li Abdilla qed isemmi r-rapport issa, wara dak li ħareġ fl-aħħar ġimgħa. Abdilla kkonferma li kellu laqgħat mal-Avukat Ġenerali. Stqarr li r-rapport tiegħu dwar il-Panama Papers iddiskutieh mal-AĠ. Ma jiftakarx jekk Silvio Valletta, l-Eks Assistent Kummissarju, kienx preżenti għal din il-laqgħa. Ikkonferma li l-file kien ta' tħassib kbir għall-Pulizija.
10:18 Il-file li fih l-Avukat Ġenerali ħalla nota dwar l-investigazzjonijiet tal-Panama Papers ġie ppreżentat fil-Qorti.
10:17 Il-Bord esprima r-rabja u l-frustrazzjoni li fl-aħħar seduta Abdilla ma qalx il-verità kollha taħt ġurament.
10:10 Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsi lil Abdilla dwar l-aħħar xhieda tiegħu, dwar "il-parir' li ngħata mill-Avukat Ġenerali biex l-investigazzjonijiet tal-Panama Papers jittieħdu bil-kalma.
10:08 Ix-xhud li jmiss: L-eks Kap tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi Ian Abdilla. Din hija t-tieni darba li Abdilla qed jixhed f'din l-inkjesta pubblika.
10:07 Azzopardi qal ukoll li Joseph Muscat kien ħabib tiegħu u li darba stiednu biex imur jara waħda mill-plays tiegħu. Ix-xhieda ta' Mario Philip Azzopardi tieqaf hawn.
10:05 Azzopardi qal li l-play "Ix-Xiħa" hija dwar politiċi korrotti u kif il-poplu kien għami wisq biex jarahom. Qabbel waħda mill-plays tiegħu mal-play "The assassination of Margaret Thatcher".
10:03 Azzopardi jgħid li għandu stqarrija li jixtieq jaqra. Il-Bord jgħidlu biex jaqraha.
10:01 Mario Philip Azzopardi qal li darba hu ġie intervistat minn Daphne Caruana Galizia. Semma li hu ma kellux relazzjoni tajba magħha fuq livell professjonali. Azzopardi qal li Caruana Galizia kienet tikkritikah ħafna fil-bloggs tagħha.
10:01 Il-Bord qal li bl-ebda mod ma jrid jiġġudika l-kitbiet tiegħu, imma jeħtieġ li jifhem.
09:59 Il-Bord jistaqsi għaliex qabbel lil Daphne ma' Margaret Thatcher fil-play tiegħu. Mario Philip Azzopardi qal li l-Bord ma jistax jiġġudikah fuq il-kitba tiegħu għax "kittieb għandu d-dritt li jikteb li jrid".
09:58 Azzopardi jgħid li l-kuntratt tiegħu jitlob li jipproduċi 3 plays fis-sena. Stqarr li għadu kif spiċċa jikteb il-play "ix-Xiħa". "Ix-Xiħa" jinkludi l-karattru tal-blogger – Daphne Caruana Galizia.
09:53 Mario Philip Azzopardi jgħid li l-intenzjonijiet tiegħu li jipproduċi dawn il-plays kienu purament artistiċi.
09:52 Azzopardi qal li l-iskripts qatt ma ġew miktuba, u li kulma kellu huma t-titli. Stqarr li kienu satira.
09:50 Mario Philip Azzopardi jitla' fuq il-pedana tax-xhieda. Il-Bord jistaqsih fuq żewġ skripts li kiteb b'rabta mal-assassinju ta' Daphne. L-ismijiet tal-plays huma: "Min qatel lil Daphne Caruana Galizia?" u "Ix-Xiħa".
09:49 L-Avukat Comodini Cachia tgħid li r-rapport ġie ppubblikat ilbieraħ fl-4pm u tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra tar-rappreżentanti lbieraħ stess. Stqarret li se tagħmel mezz li kopja tiegħu tiġi ppreżentata fil-Qorti.
09:45 Il-Bord tal-Inkjesta jidħol fl-awla. Il-bord hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro. Jordna li jiġi ppreżentat bl-aħħar rapport tal-NAO li ġie ppubblikat ilbieraħ dwar il-proċess li bih il-VGH xtrat it-tliet sptarijiet.
09:37 L-avukat Therese Comodini Cachia tinsab fl-awla. Hawn preżenti wkoll qraba tal-ġurnalista assassinata.
09:37 Is-seduta kellha tibda fid-9.30am.
09:32 Illum mistenni jkompli jixhed l-Eks Kap tat-Taqsima tar-Reati Kriminali Ian Abdilla.
09:29 Bonġu, ninsabu f'Awla 20. Dalwaqt tibda seduta oħra fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.