Traġedja Ħamrun: Statwa żgħira tal-Madonna tinstab qalb it-terrapien

Miguela Xuereb

Illum issoktat il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ erba’ persuni dwar il-binja li ġġarrfet u ħalliet lil Miriam Pace mejta fil-Ħamrun. F’seduta li damet inqas minn siegħa, xehdu diversi uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fosthom id-Direttur Emmanuel Psaila. Ġew ippreżentati wkoll xi dokumenti minn uffiċjal tal-Pulizija filwaqt li xehdu żewġ uffiċjali mill-qasam tas-saħħa?

Xi spikka mix-xhieda tal-lum?

  • Ħin minnhom tas-CPD sabu fejn kien il-mowbajl ta’ Miriam Pace taħt it-terrapien
  • Uffiċjal tas-CPD jippreżenta statwa żgħira tal-Madonna tal-Karmnu li tawh waqt il-ħidma ta’ salvataġġ. Il-Maġistrat jordna li l-istatwa tingħata lill-armel ta’ Miriam
  • Għall-ħabta tal-10pm qalb it-terrapien, esperti mediċi osservaw traċċi tad-demm, li kienu ta’ Miriam Pace

Segwi xi ntqal fil-Qorti minuta b’minuta:

11:22 Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
Charmaine Attard
11:20 Grazzi talli segwejtuna. Infakkarkom li l-kollegi tagħna qed jirrappurtaw live minn Awla 20, fejn bħalissa qed jixhed l-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia: https://newsbook.com.mt/live-l-eks-kummissarju-jkompli-jixhed-fl-inkjesta-pubblika/
Charmaine Attard
11:18 Is-seduta tal-lum ġiet aġġornata għal għada l-Ħamis, fid-9am.
Charmaine Attard
11:17 Id-dokumenti li ġew ippreżentati llum huma l-oriġinali tal-kopji li ġew ippreżentati fl-aħħar seduta.
Charmaine Attard
11:14 Jibda jixhed Matthew Galea, uffiċjal tal-Pulizija. Ippreżenta erba' stqarrijiet:
2 ta' Anthony Mangion
2 tal-Perit Roderick Camilleri
Charmaine Attard
11:12 Dr Michael Spiteri jibda jixhed. Jgħid li hu u t-tim tiegħu kienu standby biex jassistu f'każ li jkun hemm persuni midruba. Stqarr li dakinhar għall-ħabta tal-10pm, osservaw traċċi ta' demm li kienu ta' Miriam Pace.
Charmaine Attard
11:11 Ix-xhud li jmiss, Dr Joslin, konsulent tal-emerġenza jagħti d-dettalji tal-ħidma u l-informazzjoni li rċieva mis-CPD.
Charmaine Attard
11:09 Attard stqarr li ddeċidew li jużaw penetration cameras. It-tfittxija b'dawn il-kameras ħadet iktar minn siegħa. Hekk kif neħħew is-soqfa li waqgħu, riedu jkomplu jneħħu t-terrapien. Attard ikkonferma li l-Qorti ordnatlu jipprepara rapport u jgħaddih lill-Qorti.
Charmaine Attard
11:02 Jitla' jixhed perit li jaħdem mas-CPD, Graham Attard. Stqarr li hu immedjatament għamel rapport ta' risk assessment. L-ewwel rapport kien jindika li kien hemm maqbuda żewġ persuni – Miriam u binha. Fl-aħħar irriżulta li Miriam biss kienet maqbuda.
Charmaine Attard
10:58 Pisani ppreżenta lill-Qorti statwa żgħira li tawh waqt il-ħidma ta' salvataġġ. L-istatwa hija tal-Madonna tal-Karmnu. Il-Maġistrat Mifsud ordna li l-istatwa tingħata lil Carmel Pace, l-armel ta' Miriam.
Charmaine Attard
10:57 Spjega li ladarba sabu fejn kien il-mowbajl ta' Pace, taw struzzjonijiet lill-klieb biex jgħinu fit-tiftix. Kompla jfisser li kien importanti li l-ebda persuna ma titla' fuq it-terrapien sakemm tinstab Miriam.
Charmaine Attard
10:53 Pisani jispjega kif tqassam ix-xogħol u kif saret il-ħidma.
Charmaine Attard
10:51 Imiss li jixhed is-Sur Pisani, Operational Manager fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Charmaine Attard
10:49 Coleiro qal li kien diffiċli biex jitneħħa t-terrapien kollu. Żied jgħid li f'ħin minnhom sabu fejn kien il-mowbajl ta' Miriam Pace, u għaldaqstant ħasbu li kienet tinstab fil-qrib, qalb it-terrapien.
Charmaine Attard
10:45 Issa jmiss li jixhed id-Deputat Direttur tas-CPD. Jgħid li hu kien stazzjonat f'Ta' Kandja. Qal li d-drones għenuhom fil-ħidma. Stqarr li rċevew telefonata fis-2.30pm li waqgħet binja u li jista' jkun li hemm xi nies maqbuda.
Charmaine Attard
10:44 Emmanuel Psaila qal li hu kien konxju li l-ħidma ta' salvataġġ kienet se tieħu l-ħin u ordna li fil-post jitwaħħlu d-dwal biex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jkun jista' jkompli jfittex tard bil-lejl.
Charmaine Attard
10:42 Psaila: "Kienet sitwazzjoni delikata. Waqt xogħolna dejjem irridu noqogħdu aattenti għax dejjem inżommu t-tama li l-persuna tkun għadha ħajja. Fil-bidu rċevejna telefonata li waqa' ħajt, imma fil-verità kienet iġġarrfet dar u l-garaxx ta' taħtha."
Charmaine Attard
10:40 Fisser kif f'dak il-mument kien f'laqgħa mal-awtoritajiet tas-saħħa dwar il-pandemija tal-coronavirus. Hu telaq mil-laqgħa u mar fuq is-sit fil-Ħamrun biex jikkontrolla s-sitwazzjoni. L-inċident ġie ddikjarat serju immedjatament. Psaila jispjega li kellhom jieħdu tagħmir speċifiku biex itellgħu biċċiet kbar tal-konkrit.
Charmaine Attard
10:39 JIbda jixhed id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emmanuel Psaila. Jispjega kif fil-jum tat-traġedja rċieva SMS li infurmah li ġġarrfet binja u li jista' jkun hemm in-nies maqbuda. Psaila qal li rċieva l-messaġġ wara s-2pm.
Charmaine Attard
10:29 Il-Maġistrat Mifsud ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja Pace li fl-aħħar jiem ġarrbet telfa oħra, dik ta' omm Miriam.
Charmaine Attard
10:28 Il-Maġistrat Joe Mifsud jinsab preżenti fl-awla numru 22. Is-seduta mistennija tibda minn ħin għall-ieħor.
Charmaine Attard
10:27 L-għodwa t-tajba u merħba għall-blogg live ta' Newsbook.com.mt mill-Qorti.
Charmaine Attard

L-inċident traġiku ġara fit-2 ta’ Marzu fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun. Miriam Pace, li kellha 54 sena, kienet ġo darha meta l-bini ta’ maġenbha sfronda minħabba li kien għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qed jippresiedi l-każ, li fih qed jitressqu l-qorti l-perit tal-proġett ta’ 36 sena residenti r-Rabat, is-Site Technical Officer (perit) ta’ 72 sena residenti l-Gżira, il-kuntrattur ta’ 37 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u ħaddiem ta’ 42 sena residenti l-Imqabba.

Il-Prosekuzzjoni hi magħmula mill-Ispetturi Robert Vella u Matthew Galea. L-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għall-periti, filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-bennej. L-Avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto, Lucio Sciriha u Franco Galea qed jidhru għall-kuntrattur.

Il-familja Pace hija rappreżentata fil-qorti mill-Avukati Joe Giglio u David Bonello. L-Avukat Stefano Filletti qed jirrappreżenta lill-ġirien.