Iktar turisti u ljieli f’lukandi f’Novembru

Ċifri tal-NSO juru li anke f’Novembru, it-turisti li għażlu li joqgħodu f’lukandi u fi stabbilimenti turistiċi oħra żdiedu meta mqabbla ma’ Novembru ta’ sena qabel.
Skont l-NSO, il-lukandi ta’ kull livell marru aħjar minn sena qabel, bl-aħjar li marru kienu dawk ta’ 4 stilel.
B’kollox, l-għadd ta’ turisti li qagħdu fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva f’Novembru żdied bi 3.3% u l-iljieli b’5.3%. Żdied ukoll, b’0.1, it-tul medju tal-btala.
Fuq 11-il xahar, bejn Jannar u Novembru, kien hemm 2.1% iktar ta’ turisti li qagħdu fi stabbilimenti kollettivi f’Malta, għal total ta’ kważi 1.5 miljun ruħ.
L-iljieli totali żdiedu b’1.8% għal kważi 8.5 miljun lejl.
Sadattant, skont il-Eurostat Malta u Ċipru baqgħu l-iktar destinazzjonijiet turistiċi fl-UE li l-iljieli fil-lukandi jkunu l-iktar minn turisti barranin, fil-livell ta’ 96%.
Fl-2015, Spanja kienet id-destinazzjoni l-iktar favoriti mat-turisti fl-UE, segwita mill-Italja u minn Franza.