Iktar turisti jżuru Malta fl-2014

It-turisti li waslu f’Malta f’Diċembru fissru żieda ta’ 1.4% fuq l-istess xahar is-sena ta’ qabel. Bejn dawk li daħlu f’Malta bi cruiseliner u dawk li qagħdu fi stabbilimenti turistiċi jew postijiet oħra, b’kollox f’Diċembru waslu f’Malta 66,619-il turist.
Skont l-NSO, fl-aħħar xahar tas-sena, kien hemm żieda ta’ 7.7% fit-turisti li ġew f’Malta minn pajjiżi oħra tal-UE. Bħala etajiet, l-iktar turisti li ġew f’Malta f’Diċembru kienu dawk ta’ bejn 45 u 64 sena, segwiti minn dawk ta’ bejn 25 u 44 sena.
Iċ-ċifri għal Diċembru fissru żieda fl-iljieli kollha li qattgħu t-turisti f’Malta, u żieda fil-flus li t-turisti ħallew fil-pajjiż.
L-NSO ħareġ ukoll iċ-ċifri għas-sena 2014 sħiħa. Bejn Jannar u Diċembru, it-turisti li waslu f’Malta qabżu l-miljun u 700,000 ruħ, jiġifieri żieda ta’ 7.8% fuq l-2013 waqt li l-iljieli żdiedu b’4.9%.
Fejn jidħlu l-flus li ħallew it-turisti fil-pajjiż, minkejja li ras għal ras l-ispiża kienet ftit inqas mill-2013, b’mod totali l-flus li ħallew fil-pajjiż żdiedu b’6.1% għal €1,500 miljun.