Iktar turisti fil-lukandi f’Lulju

Kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, f'Lulju li għadda żdiedu t-turisti li qagħdu fil-lukandi u anke l-iljieli.
L-NSO qal li b’kollox, imqabbel ma’ Lulju tas-sena l-oħra, kien hemm żieda ta’ 8.3% fin-numru ta’ turisti li qagħdu f’lukandi, għal total ta’ 166,300 turist. Kien hemm żieda wkoll ta’ 4.3% fl-għadd ta’ ljieli li qattgħu t-turisti fil-lukandi, għal total ta’ 1.1 miljun lejl.
L-iktar li raw titjib fir-riżultati kienu l-lukandi ta’ 4 stilel li ntagħżlu minn 45.5% tat-turisti kollha li qagħdu fil-166 lukanda jew stabbiliment ta' akkomodazzjoni kollettiva fil-pajjiż.  
L-uniku tnaqqis kien fit-tul medju tal-btala – li niżel għal 6.5 minn 6.8.
L-NSO ppubblika wkoll iċ-ċifri għall-ewwel seba’ xhur tas-sena li kkonfermaw żieda fin-numru ta’ turisti u fl-iljieli li qattgħu fil-lukandi tal-pajjiż.