Iktar trasport pubbliku b’xejn; pontijiet pedonali

Miguela Xuereb

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li issa t-trasport pubbliku b’xejn se jgawdu minnu wkoll l-anzjani li għandhom iktar minn 75 sena.

Miżuri hawn taħt:

Baġit 2019

  • Trasport pubbliku b’xejn estiż għal dawk li għandhom 14 u 15-il sena u l-istudenti kollha full-time li għandhom minn 20 sena ‘l fuq.
  • Pjanijiet biex persuni b’diżabilità jkollhom vjaġġi b’xejn b’tal-linja.
  • €100m allokati għal bini mill-ġdid tat-toroq
  • Pjanijiet għal ftehim bejn il-Gvern u l-Privat għal parkeġġi pubbliċi
  • Estiżi, l-eżenzjonijiet fuq vetturi elettriċi, konverżjoni mill-fjuwil għall-gass, skemi ta’ skrapjar.
  • Tiġi konkluża s-sensiela ta’ rifużjonijiet tal-VAT, għall-karozzi rreġistrati fl-2008.
  • Rifużjoni tal-VAT sa €70 għal dawk li jinstallaw sistema ta’ reverse osmosis fid-djar.
  • Proġett ta’ ġonna urbani
  • Il-proġett tas-‘safe city’ – kameras tas-sigurtà b’teknoloġija AI jiġu introdotti fi nħawi mfittxija għall-kriminalità, f’Paceville u l-Marsa

Baġit 2020

  • Trasport pubbliku b’xejn għal dawk li għandhom iktar minn 75 sena
  • €100 miljun allokati għal bini mill-ġdid tat-toroq
  • Estiż it-trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Gvern, l-indipendenti u tal-Knisja.
  • Estiż it-trasport b’xejn għal dawk bejn 14 u 20 sena, persuni b’diżabilità u studenti full-time li għandhom iktar minn 20 sena ‘l fuq.
  • Is-sena d-dieħla se jiġu introdotti l-ewwel pontijiet pedonali mibnija b’rampi apposta biex jintużaw b’aktar kumdità miċ-ċiklisti. Ix-xogħol fuq tnejn minnhom, fi Blata l-Bajda u l-Gudja, beda diġà. Se jsir ieħor ħdejn l-MCAST.
  • Estiża għal sena oħra l-iskema fuq xiri ta’ roti, roti tal-elettriku (pedelec bicycles) u muturi. Massimu ta’ €400.
  • Estiżi l-iskemi ta’ skrappjar ta’ vetturi. L-għotja tvarja skont kemm tniġġes il-vettura l-ġdida. Vettura li tniġġes l-inqas b’għotja ta’ €1,500.
  • Għoti ta’ €200 għal min jaqleb il-vettura minn petrol għall-gass

Miżuri oħra:

·       Se jiżdiedu l-korsiji għar-roti fosthom tas-Central Link Project u fi Vjal Santa Luċija.

·       Sejħiet ġodda biex jiżdiedu l-konnessjonijiet bil-baħar li fost l-oħrajn se jinkludu żoni bħal Kottonera, Marsaxlokk, Marsaskala, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan u Mellieħa.

Fl-aħħar xhur:

Il-Bicycle Advocacy Group jisħaq kontinwament għal faċilitajiet aħjar u toroq aktar siguri għal dawk li qed jużaw żewġ roti minflok erbgħa biex jaslu aktar malajr fid-destinazzjoni tagħhom. Il-proposti li għamel il-BAG fl-2018 baqgħu fuq l-ixkaffa. Dawn kienu jinkludu:

·       Skema għall-impjegati biex imorru x-xogħol bir-roti

·       Żieda fir-roti fil-flotta tal-Gvern

·       Aktar benefiċċji fi stipendju lill-istudenti li jużaw ir-rota biex imorru l-Università.

F’Marzu 2019, il-BAG irreaġixxa għall-kummenti tal-Prim Ministru li Malta ssir l-ewwel pajjiż Ewropew li jkollu flotta ta’ karozzi elettriċi biss. Skont il-BAG, għal din l-idea hemm bżonn għarfien loġistiku u ambjentali.

“Bil-karozzi elettriċi biss se naqgħu fl-istess nassa”

F’Jannar, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg ħabbar skema ta’ €1.5 miljun għal dawk li jiskreppjaw vettura u jixtru oħra li tagħmel inqas ħsara lill-ambjent.

Imħabbra 6 skemi għall-karozzi

Ftit ġimgħat wara, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva l-bidla għall-karozzi elettriċi bħala “ta’ barra minn hawn”. Huwa kien qed iwieġeb mistoqsija ta’ kandidat żagħżugħ f’attività tal-partit qabel l-elezzjonijiet tal-MEPs. Muscat qal li f’ħajtu jiftakar bidla drastika waħda fil-pajjiż, meta Malta qalbet għall-Ewro.

E-cars: Gozo pilot for Malta; Malta for EU – PM

Fid-diskors tal-Baġit 2019, il-Ministru Scicluna ħabbar li ngħata bidu għall-proġett ta’ “€700 miljun biex jinbnew it-toroq kollha fil-pajjiż fuq perjodu ta’ seba’ snin”.

Ġimagħtejn ilu, il-Prim Ministru inawgura l-ewwel żewġ flyovers fil-proġett tal-junction tal-Marsa, f’attività li allegatament swiet €40,000. Dan huwa parti minn proġett ta’ €70 miljun, kofinanzjat mill-Fond Ewropew ta’ Koeżjoni.

Minbarra l-kritika qawwija li kien fil-mira tagħha l-proġett Central Link minħabba li se tinħataf aktar art, tqanqlu wkoll appelli biex jiġi indirizzat l-użu tat-toroq. L-esperta tat-trasport, Prof. Maria Attard tgħid li t-twessigħ tat-toroq ma jġibx riżultati, filwaqt li l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, jgħid li l-ħin fit-triq se jonqos.

Mhu se nsolvu xejn bit-twessigħ tat-toroq – Prof. Attard