Iktar theżżiżiet wara t-terremot fit-Tajwan

Fit-Tajwan, jissoktaw it-theżżiżiet qawwija wara t-terremot li laqat Hualien fis-sigħat li għaddew, bil-konsegwenza li qed jostakolaw il-ħidma ta’ salvataġġ.
It-terremot ta’ 6.4 fuq l-Iskala Richter seħħ madwar 20 kilomteru ‘l barra mill-kosta tal-Lvant tal-gżira.
Kawża tat-terremot mietu erba’ persuni u ndarbu aktar minn 200. Ħafna oħrajn għadhom irrappurtati nieqsa.
Fi Hualien jgħixu madwar 100,000 persuna. Ir-residenti ntalbu biex joqogħdu ‘l bogħod minn djarhom minħabba t-theżżiż u l-ħsarat.
Diversi bini ġarrab ħsara kbira, bir-ritratti juru bini mmejjel u ħsara estensiva fit-toroq.
F’waħda mill-binjiet, li tinkludi residenzi u post kummerċjali, hemm 143 persuna nieqsa.
S’issa l-ħaddiema tas-salvataġġ, salvaw madwar 150 persuna.
Dan qed jitqies bħala wieħed mill-iktar terremoti b’saħħithom fl-aħħar snin.
Il-President ta’ Taiwan Tsai Ing-wen marret fejn sar it-terremot u żaret l-isptarijiet u r-relief centers. Ing-wen qalet li l-Gvern se jkun qed jgħin bl-aħjar mod li jista’.