Iktar tensjoni politika fis-Slovakkja; eluf mistennija jipprotestaw

Eluf ta' Slovakki huma mistennija li joħorġu fit-toroq għat-tieni protesta tal-massa f’ġimgħa hekk kif qed tkompli tiber it-tensjoni politika fuq il-Prim Ministru Robert Fico wara l-qtil ta' ġurnalist.
Il-Prim Ministru Fico ltaqa’ mal-President Andrej Kiska, li fl-aħħar jiem ħeġġeġ biex il-Gvern jerġa' jibda' jibni fiduċja pubblika anki permezz ta’ elezzjoni bikrija.
Intant, illum komliet biż-żjara tasgħha d-delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari li qed iżżur is-Slovakkja wara l-qtil tal-ġurnalista Jan Kuciak.
Id-delegazzjoni li hija magħmula minn sitt Membri Parlamentari Ewropej mill-gruppi politiċi differenti tal-Parlament Ewropew, bdiet il-ħidma tagħha lbieraħ.
L-Erbgħa li ġej l-MEPs se jiddiskutu s-sigurta tal-ġurnalisti
L-Erbgħa li ġej, il-Membri Parlamentari Ewropej se jiddiskutu s-sigurtà tal-ġurnalisti u l-libertà tal-istampa wara l-qtil tal-ġurnalist investigattiv Ján Kuciak u l-għarus tiegħu Martina Kušnírová.
Waqt is-sessjoni plenarja li se ssir fi Strasburgu, l-Ewroparlamentari se jiddiskutu wkoll ir-rivelazzjonijiet ta’ Kuciak dwar allegat użu ħażin tal-fondi tal-Unjoni Ewropea fis-Slovakkja u rabtiet li jista’ jkun hemm bejn il-gruppi tal-kriminalità organizzata u l-politiċi Slovakki.