Iktar spazji ta’ parkeġġ meta tmur il-Belt

Fl-MCP Car Park qiegħed isir investiment biex jiżdiedu l-parkeġġi. Dan se jkun qiegħed jgħin fir-riġenerazzjoni ekonomika tal-Belt Valletta. Il-parkeġġ se jkun qiegħed jiżdied b’400 spazju fuq sitt sulari taħt l-art u se jinkludi charging points f’kull sular.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius żaru dan il-proġett fejn qiegħed isir investiment mill-privat għal aktar faċilitajiet u spazji tal-parkeġġ.

Il-Ministru Borg qal li l-Gvern lest li jappoġġja u jaħdem mas-settur privat meta l-għanijiet jimxu flimkien għal viżjoni olistika li jwasslu għal kwalità tal-ħajja għal Gżejjer Maltin. Il-Ministru qal li l-Gvern qiegħed jinvesti fit-trasport pubbliku, favur konnessjonijiet aktar effiċjenti, inċentivi favur mezzi tat-trasport aktar nodfa bħal karozzi elettriċi, u ħidma infrastrutturali oħra li mhux biss iżżid l-effiċjenza u sigurtà tat-toroq iżda li tħares ukoll lejn aspetti estetiċi ta’ postijiet bħall-belt kapitali.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li wieħed mill-intenzjonijiet tal-Awotrità tal-Artijiet huwa li meta tingħata art għal skop kummerċjali ma jarawx biss l-aspett kummerċjali imma li jsebbaħ u jtejjeb iż-żona.