​Iktar servizzi tal-ippjanar onlajn

Il-periti jistgħu jibdew jibgħatu b’mod elettroniku d-Development Notification Order u l-Compliance Certificates.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlementari għall-Ippjanar Chris Agius waqt li saħaq li l-mira tal-Awtorità tal-Ippjanar se tibqa’ dik li tipprovdi servizz superjuri għall-klijenti tagħha kollha. Qal li l-Gvern se jkompli juża t-teknoloġija, u se jkompli jwettaq il-wiegħda tiegħu li jnaqqas il-karti.
Fl-istess ħin, is-Segretarju Parlamentari nieda wkoll il-website ġdida tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq l-indirizz elettroniku www.pa.org.mt 
"Mhux veru tneħħiet xi informazzjoni minn fuq is-sit il-ġdid" – Awtorità tal-Ippjanar
Intant l-Awtorità tal-Ippjana fi stqarrija ċaħdet allegazzjonijiet li bis-sit elettroniku l-ġdid tagħha, neħħiet xi aċċess pubbliku ta’ informazzjoni dwar ippjanar ta’ żvilupp.
Qalet li l-pjattaformi diġitali tagħha, fosthom il-GeoPortal u s-sistema tal-E-Applications, jipprovdu lill-pubbliku ġenerali bl-ogħla livell ta’ trasparenza.
L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li s-sit il-ġdid tagħha jipprovdi listi fil-ġimgħa tal-applikazzjonijiet għall-iżvilupp li tirċievi minn kull lokalità, flimkien ma’ kalendarju bl-aġenda tal-kunsill eżekuttiv, il-bord tal-ippjanar u tal-kummissjoni.
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo