Iktar serq mil-librerija tal-Università

Fl-aħħar jiem studenta universitarja rrapurtat li nsterqilha l-basket waqt li kienet qed tistudja fil-librerija tal-Università ta’ Malta.
Fuq messaġġi li xerdet fuq il-midja soċjali, l-istudenta qalet li fil-basket iswed, tad-ditta Adidas, kellha ktieb b’numru ta’ noti mportanti għat-teżi tagħha.
Il-każ kien ikkonfermat ukoll mill-Pulizija.
Ma’ Newsbook.com.mt, l-istudenta saħqet li l-istudenti li jagħmlu użu mill-librerija, m’għandhom għall-ebda raġuni, iħallu affarijiet ta’ valur fiż-żona tad-depożitorju tal-basktijiet, fejn hemm numru ta’ xkafef miftuħa. Dan il-punt kien sostnut ukoll mill-Università ta’ Malta.
Min-naħa tagħha, kellimha għall-Università ta’ Malta qalet ma’ Newsbook.com.mt, li l-librerija, li tintuża minn bosta studenti, kif ukoll mill-pubbliku, qed tieħu numru ta’ miżuri sabiex jiġi evitat is-serq. Il-miżuri jinkludu sorveljanza bil-cameras CCTV fiż-żona fejn hemm il-lockers li jissakkru u fejn hemm l-ixkafef miftuħa, kif ukoll ħdejn il-bibien tal-Librerija.
Il-Kelliemha ikkonfermat ukoll li l-filmati huma disponibbli għall-Pulizija sabiex jinvestigaw każi li jkunu ġew irrappurtati.
Skont l-Università bħalissa hemm 120 locker disponibbli, għaldaqstant insistiet li m’hemmx spazju għal aktar lockers ta’ dan it-tip fil-Librerija.
Ritratt: University of Malta