Iktar proġetti ta’ rijabilitazzjoni fil-Kottonera

Fil-Kottonera u l-Kalkara qed isiru diversi proġetti ta’ rijabilitazzjoni u restawr, fosthom dak fil-kjostru tal-Kunvent tad-Dumnikani fil-Birgu u x-xogħol ta’ restawr ippjanat għal-lanterna tal-knisja tal-Lunzjata.
F’Bormla kważi tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-knisja ta’ Santa Tereża u se jinbeda x-xogħol fuq il-każin tal-Banda San Ġorġ.
Il-Ministru għall-Infrastruttura, Joe Mizzi, qal li fl-Isla tlesta x-xogħol ta’ tneħħija ta’ ħajt ħdejn Boiler Wharf u l-bini ta’ ċint b’ħadid fuqu, waqt li ħabbar li se jinbeda restawr tal-koppla tal-knisja ta’ Marija Bambina u l-faċċati tal-knisja ta’ San Ġiljan.
Se jsir ukoll restawr tat-taraġ taz-zuntier tal-knisja ta’ San Lawrenz, u fil-Kalkara qed jitfassal pjan ta’ riġenerazzjoni fl-inħawi ta’ Triq Marina u restawr fiċ-ċimiterju ta’ Wied Għammieq.
Il-Ministru qal dan hu u jniedi t-tieni sensiela ta’ laqgħat ta’ informazzjoni “Wirt il-Kottonera – Wirt Pajjiżek”, wara li l-ewwel sensiela s-sena li għaddiet intlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku u kien hemm talba għal iktar.
Joe Mizzi qal li x-xogħol mill-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera u mill-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Rijabilitazzjoni fi ħdan il-Ministeru tiegħu, jgħin biex il-poplu japprezza iktar dawn l-inħawi ta’ Malta.
Ritratt: DOI