Iktar postijiet fejn wieħed jiċċarġja vettura elettrika

Fil-ġimgħat li ġejjin se jitwaħħlu 130 charging pillars madwar Malta. Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Enerġija, li spjega li dawn se jkunu mħalltin bejn medium-fast charging u fast charging.

Il-Ministeru qal li dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar miljun ewro, huwa kofinanzjat minn fondi Ewropej u flimkien ma’ miżuri oħrajn se jkun qiegħed jibni fuq l-inizjattiva ta’ rata tal-elettriku speċjali għal djar residenzjali sabiex wieħed ikun jista’ jiċċarġja l-batterija tal-vettura matul il-lejl.

Il-Ministru Michael Farrugia saħaq kif, “il-gvern qed ikompli l-impenn tiegħu biex iktar ma jiddaħħlu karozzi elettriċi, iktar isibu fejn jiċċarġjaw.” Żied jgħid li bħalissa, “300 karozza qed jiġu ċċarġjati matul il-lejl, off-peak, bejn nofsillejl u s-6am.” Il-Ministru Farrugia qal li dan għandu jgħin biex Malta tilħaq il-miri internazzjonali tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030 u n-newtralità mill-karbonju fl-2050.