Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, l-awtoritaijiet Maltin ħabbru li fi ftit tal-jiem oħra ser jerġgħu jibdew isiru għadd ta’ operazzjonijiet, fosthom tal-irkopptejn u tal-ġenbejn. Fid-dawl li biex isiru dawn l-operazzjonijiet irid ikunu hemm ammont sostanzjali ta’ demm riżervat, u għall-fatt li ras għal ras kull pazjent li ssirlu l-operazzjoni tal-ġenbejn jieħu żewġ boroż demm, dan ifisser li fil-jiem li ġejjin ser ikun hemm żieda fid-domanda għad-demm.
F’din il-fażi ta’ tranżizzjoni lejn ir-ritmu normali tal-ħajja, dawk li huma f’saħħithom huma mħeġġa jagħmlu l-parti tagħhom u jersqu biex jagħtu d-demm:
- fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm
- fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar Il-Ħadd 24 ta’ Mejju, mit-8:30am sas-1:00pm ser ikun fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi.
- fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 24 ta’ Mejju ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.
Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Nota importanti!
Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz.