Iktar minn tliet rapporti ta’ vjolenza domestika kuljum

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li kull sena, l-awtoritajiet Maltin jirċevu mal-1,200 rapport ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika.
Waqt konferenza stampa dwar il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, li tiġi mfakkra kull sena fil-25 ta’ Novembru, Farrugia qal li s-sitwazzjoni tal-vjolenza domestika f’Malta mhi xejn sabiħa, u l-bqija tal-Ewropa qiegħda fl-istess ilma.
Farrugia ppropona li jittieħdu iktar miżuri li jipproteġu lill-vittmi ta’ vjolenza domestika mill-aggressuri tagħhom billi, fost l-oħrajn, jissaħħu l-istrutturi t’għajnuna li joffri l-Istat u titnieda kampanja nazzjonali t’għarfien mill-awtoritajiet.
Id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg ipproponiet li jiddaħħlu pieni iktar ħorox għall-aggressuri, għax fakkret li fil-parti l-kbira ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika ma jkunx hemm biss nisa involuti, iżda jkun hemm tfal innoċenti li jsofru wkoll.
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon għalaq il-konferenza billi qal li l-vjolenza domestika ma turix is-saħħa ta’ persuna, imma turi biss nuqqas ta’ mħabba.
Temm jgħid li l-vjolenza domestika tmur kontra n-natura intima tal-ambjent tad-dar, iżda sostna li hija realtà li teżisti f’Malta u għalhekk hemm bżonn li tinħoloq kuxjenza sabiex is-suġġett ma jibqax stigma.
Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali se torganizza l-attività “Barra Bla Biżà” għada fid-9.30am quddiem il-Parlament, bl-għan li tqajjem kuxjenza dwar is-sitwazzjoni tal-vjolenza domestika f’Malta.