Iktar minn sena jikkustinjaw fuq bankina

Il-Bord ta’ Governanza Lokali kkundanna lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għall-mod ta’ kif qed jittrattaw ilment dwar bankina f’Buġibba.
Dan hekk kif fid-19 ta’ April 2016, il-Bord kien irċieva talba mingħand id-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex jinvestiga lment mingħand John Cassar; liema lment kien minħabba bankina fi Triq Sant’Antnin f’Buġibba li mhijiex aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà u hi ta’ periklu għal kull min jagħmel użu minnha.
Fid-9 ta’ Lulju 2016, il-Bord kien iddeċieda li m’hemm l-beda dubju li l-bankina ma kinitx tinsab fi stat tajjeb u għaldaqstant, kien irrakkomanda lid-Direttur tal-Gvern Lokali biex jagħti struzzjonijiet lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ħalli fi żmien xahar jibdew ix-xogħlijiet.
Minkejja dan, fil-5 ta’ Awwissu 2016, il-Bord kien reġa’ rċieva lment mingħand John Cassar li x-xogħol kien għadu bla mittiefes. Għalhekk, il-Bord tkellem mad-Direttur tal-Gvern Lokali fejn talbu jara li din id-deċiżjoni tiġi implimentata minnufih mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Fil-5 ta’ Diċembru 2016, il-Bord kien infurmat li d-Direttur tal-Gvern Lokali kien talab stima lid-Direttur tax-Xogħlijiet biex isiru x-xogħlijiet neċessarji.
Madanakollu, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet informa lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali li l-bankina ma kinitx responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ladarba riedet terġa’ tinbena mill-ġdid u mhux titranġa biss.
Fit-22 ta’ Frar, il-Bord kien informa lid-Direttur tal-Gvern Lokali li r-rakkomandazzjoni li kien ta l-istess Bord kienet li jitqabbad kuntrattur mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali u l-ispejjeż jitħallsu mid-Dipartiment u wara, dawn jitnaqqsu mill-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Madanakollu, l-Avukat tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali qal lill-Bord li x-xogħlijiet kienu rikostruzzjoni tal-bankina u għaldaqstant din ma taqax taħt il-funzjonijiet tal-Kunsill Lokali. Min-naħa tiegħu, il-Bord argumenta li hu qed jitlob biex il-bankina terġa’ tiġi għall-istat tagħha inizjali u mhux li ssir rikostruzzjoni mill-ġdid.
Peress li l-każ ilu għaddej għal iktar minn sena, il-Bord talab l-intervent tal-Ministeru għall-Ġustizzja biex jittieħdu l-passi meħtieġa.
Il-bankina li tidher fir-ritratt mhijiex tal-bankina inkwistjoni.