Iktar minn laqgħa waħda bil-lejl f’Kastilja dwar Montekristo

Fil-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn li għadda saru iktar minn laqgħa waħda f’Kastilja wara li leonessa attakkat tifel fil-kumpless ta’ Montekristo, f’Ħal Farruġ.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar, qalet li “quddiem l-importanza ta’ dak li seħħ, il-Ħadd filgħaxija ssejħu aktar minn laqgħa waħda ma’ nies differenti u nħass li aħjar isiru dakinhar stess milli nistennew sal-għada”
Spjegat li l-laqgħat bdew fit-8pm wara li l-uffiċjali tal-infurzar irritornaw minn fuq il-post tal-inċident.
Il-Brigadier preżenti għall-waħda mil-laqgħat
Il-kelliema qalet li għal waħda mil-laqgħat ma’ Dr Schembri kien hemm l-Avukat Ġenerali, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Brigadier, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Assistent Kummissarju.
Id-diskussjonijiet dwar Montekristo għadhom għaddejjin
Mistoqsija x’deċiżjonijiet ittieħdu dwar l-annimali, il-kelliema qalet li d-diskussjonijiet dwar is-suġġett għadhom għaddejjin. Spjegat li deċiżjonijiet dwar infurzar fiż-żoo għandhom iqisu li hemm annimali protetti b’konvenzjonijiet internazzjonali.
Kastilja ma kinitx miftuħa bil-lejl minħabba l-każ tal-Panama
Minkejja li ħafna ħasbu li l-Ħadd bil-lejl Kastilja kienet miftuħa minħabba d-dokumenti żvelati dwar mexxejja b'investimenti fil-Panama, fosthom il-Ministru Konrad Mizzi, it-Tnejn filgħodu l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia qal ma' Newsbook.com.mt li dak il-ħin kienet għaddejja laqgħa mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri dwar l-inċident li seħħ aktar kmieni f'Montekristo.