Iktar minn 82,000 persuna f’riskju ta’ faqar f’Malta

Read in English.

Ibbażat fuq id-dħul tal-2018, in-numru ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar f’Malta hu stmat li jammonta għal 82,758. Id-dħul medju għal kull familja fl-2018 kien ta’ €34,627 fis-sena, filwaqt li d-dħul disponnibli kien ta’ €28,505. Dawn iċ-ċifri ġew ippubblikati fl-aħħar stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

Skont studju dwar l-Istatistika Ewropea fuq id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għixien (EU-SILC) mill-NSO sab li l-ammont ta’ persuni li għandhom inqas minn 18-il sena u li jinsabu f’riskju ta’ faqar kien ta’ 20.6%, filwaqt li l-ammont ta’ persuni li għandhom iktar minn 65 sena u li jinsabu f’riskju ta’ faqar kien żdied għal 27.7%.

Fuq livell distrettwali, l-istudju sab li kien hemm iktar nies f’riskju ta’ faqar fin-Nofsinhar ta’ Malta milli fit-Tramuntana.

Fi stqarrija l-Ministru għal Familja Michale Falzon qal li l-familji Maltin u Għawdxin din is-sena raw żieda ta’ €13 fil-ġimgħa iktar mis-sena l-oħra fid-dħul disponibbli. Huwa qal li kkumparat ma’ qabel l-2013, id-dħul disponnibli żdied b’iktar minn €5,000 fis-sena.

Il-Ministru Falzon qal ukoll li 2,000 persuna iktar issa għandhom dħul ta’ iktar minn €6,000 fis-sena, hekk kif dawn issa jammontaw għal 14,500 persuna. Sostna li qabel l-2013 kien hawn iktar minn 36,500 persuna li kienu fuq dħul ta’ inqas minn €6,000 fis-sena.

Il-Ministru Falzon temm jgħid li dawn ir-riżultati jindikaw kemm il-politika soċjali u ekonomika mħaddma fl-aħħar snin għamlet differenza fil-livell ta’ għixien tal-familji Maltin u Għawdxin. Għexieren ta’ eluf tneħħew minn sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali, filwaqt li ngħatat dinjità u opportunità ġdida lil ħafna familji, speċjalment dawk li setgħu joħorġu jaħdmu.