Iktar minn 8,000 jissieħbu fi grupp kontra l-immigranti f’jumejn

Read in English.

F’inqas minn jumejn iktar minn 8,000 Malti u Maltija ssieħbu fi grupp sigriet fuq Facebook li jġib l-isem ‘Malta Tagħna Biss’. Dan il-grupp qed ikun deskritt bħala wieħed kontra l-immigrazzjoni f’Malta.

Jidher li l-amministraturi tal-grupp qed imexxu l-kelma biex fil-ġimgħat li ġejjin tiġi organizzata protesta kbira kontra l-immigranti fil-Belt Valletta.

Fost il-kummenti l-aktar komuni tal-membri tal-grupp hemm li jridu “Malta lura għand il-Maltin”. Oħrajn ikkummentaw bi kwotazzjonijiet u tifħir ieħor lejn il-mexxej tal-partit Imperium Europa Malti Norman Lowell u lejn il-politika kontra l-immigrazzjoni tal-eks Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini u l-President Amerikan Donald Trump. Fil-grupp hemm ukoll ritratti b’tifħir lejn l-eks Mexxej Libjan Gaddafi u anki dwar Adolf Hitler.

Fil-grupp qed jikkummentaw bosta nies jappellaw lil Maltin biex “iqumu mir-raqda u jieħdu pajjiżhom lura”.

Intant, fl-okkażjoni ta’ Jum mil-Migranti u r-Refuġjati, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ħeġġeġ biex negħlbu l-biżgħat, filwaqt li fakkar li kulħadd huwa maħluq fix-xbieha ta’ Alla.

Filmat: ‘Aħna lkoll xbieha ta’ Alla’ – l-Isqof Galea-Curmi