Iktar minn 400,000 telefonata fuq il-112

Il-Ministru għas-Sigurtà Carmelo Abela qal li fis-sena 2016, il-control room tal-Pulizija rċiviet iktar minn 400,000 telefonata fuq in-numru 112, bl-iktar xhur bieżla jkunu dawk tas-sajf, b'Lulju jlaħħaq iktar minn 37,000 telefonata.
Waqt żjara edukattiva fl-istazzjoni tat-tifi tan-nar fix-Xemxija, il-Ministru qal kif il-Gvern se jkompli jsaħħaħ dan is-servizz, għax hu joffri s-serħan tal-moħħ lill-pubbliku f'każi ta' emerġenza, meta l-persuna jkollha bżonn l-għajnuna b'mod imminenti.
Qal li bħalissa qed issir ħidma fi ħdan il-Ministeru biex tiġi żviluppata app tal-mobile ddedikata għas-servizz tal-112. Saħaq li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jniedi s-servizz tal-112mt mobile app, fejn il-pubbliku se jkun jista' jibda juża din l-app għal kull għajnuna li jkollu bżonn f'każijiet ta' emerġenza. Hu se jkun jista' jagħmel dan kemm permezz ta' sms kif ukoll permezz ta' telefonata.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech