Iktar minn 332,000 vettura fit-toroq Maltin

Ċifri tal-NSO juru li sal-aħħar ta' Settembru, l-għadd ta’ vetturi fit-toroq Maltin laħħaq 332,455 li minnhom, 79.3% kienu karozzi privati.
Il-vetturi kummerċjali kienu jgħoddu 14.2% filwaqt li l-muturi kienu  jammontaw għal 5.4%.
Il-karozzi tal-linja u minibuses kienu jgħoddu ftit inqas minn 1% tal-vetturi kollha fit-toroq Maltin.
Bejn Lulju u Settembru ħarġu 4,740 liċenzja ġdida ta' vetturi, li minnhom 80.5% kienu għal karozzi privati. 
Fl-istess żmien ġew esportati 66 vettura, 508 vetturi ġew skreppjati filwaqt li 1,844 oħra ġew iggaraxxjati. 
Sal-aħħar ta' Settembru, 201,662 vettura, jew 60.7% tat-total, kellhom magna petrol. Kien hemm ukoll 350 vettura, fil-parti l-kbira tagħhom karozzi tal-passiġġieri, illi jaħdmu bis-sistema hybrid, 173 vettura b'magna elettrika, 16 li jaħdmu bl-LPG u 12 oħra bil-gass.