Iktar minn 331 siegħa ta’ xemx ġew irreġistrati f’Awwissu

Hekk kif l-istaġun tas-sajf jispiċċa uffiċjalment dan il-weekend, l-Uffiċċju Meteoroloġiku qal li t-temperaturi għoljin li ħakmu l-Gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar xhur baqgħu fejn kienu.

Filwaqt li Lulju rreġistra temperatura tal-ajru medja ta’ 27.9°C, f’Awwissu pjuttost sħun it-temperatura medja tal-ajru laħqet 28.2°C; grad ogħla min-norma klimatika. It-temperatura medja tal-baħar ukoll għoliet bi grad biex laħqet 27.3°C.

Temperaturi pjaċevoli kkaratterizzaw l-ewwel ftit jiem tax-xahar, hekk kif it-temperatura tal-arja niżlet għal 21.8°C fis-6 t’Awwissu. L-ogħla temperatura f’Awwissu ġiet irreġistrata qabel il-festa ta’ Santa Marija, meta fit-13 tax-xahar it-temperaturi laħqu s-36°C. Ix-xemx sajfija kompliet turi snienha l-ġimgħa ta’ wara, meta iddiet għal 13.2 sigħat nhar it-18 u d-19 t’Awwissu, li kienu l-iktar jiem imdawlin tax-xahar.

Wieħed mill-kontributuri ewlenin għat-temperaturi sħan t’Awwissu kien in-nuqqas ta’ xita, hekk kif traċċi biss ta’ xita tkejlu fid-29 tax-xahar. Ma ġewx irreġistrati iktar minn 1.2 sigħat ta’ xemx dakinhar, u b’hekk dan sar l-inqas jum imdawwal tax-xahar. Awwissu kien iktar kalm milli mistenni wkoll, hekk kif il-veloċità medja tar-riħ ma qabżitx is-6 knots; nofs knot iktar kalm min-norma.

Madankollu, it-total ta’ 331.4 sigħat imdawlin li ġew irreġistrati matul ix-xahar li għadda ma laħqux it-335.3 sigħat ta’ xemx mistennija f’dan iż-żmien tas-sena.