Iktar minn 29,000 applikanti eliġibbli għal rifużjoni tal-VAT fuq vetturi

Minn total ta’ 33,261 applikant li ressqu t-talba tagħhom lill-Gvern għal rifużjoni tal-ħlas tal-VAT fuq vetturi għall-użu personali, Transport Malta aċċettat 29,126 applikazzjoni li qisithom eliġibbli għall-iskema ta’ għotja ta’ darba.
Il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina. Il-vetturi reġistrati u liċenzjati għall-użu personali ġew irreġistrati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2008.
Joe Mizzi spjega li l-applikazzjonijiet ġew kollha verifikati u rriżulta li kien hemm 4,135 applikazzjoni li ma kinux eliġibbli skont il-kriterji stabbiliti fil-gazzetta tal-Gvern.
Spjega wkoll li l-Gvern ħatar Bord ta’ Appell bil-għan li jilqa’ u jivverifika l-applikazzjonjiet li jiġu appellati iżda dan il-proċess għadu ma ġiex konkluż.